Nofs Settembru diġà barra! Is-sajf kważi għadda u l-ġimgħa d-dieħla u ta’ wara, l-istudenti jerġgħu jibdew skola. Wara s-sajf nibdew naħsbu għall-Milied! Taf kemm fadal ġranet sal-25 ta’ Diċembru? Inqas minn mija!
Fadal 99 ġurnata sabiex inqumu u ngħidu lil xulxin, “Il-Milied it-Tajjeb!” Aħjar nibdew nagħmlu dik l-imbierka lista tar-rigali! Għandna 98 jum biex nixtru r-rigali! Inlaħħqu tgħid!? Hawn min jipprepara minn qabel u jibda jaħseb x’se jixtri minn ġimgħat sħaħ qabel il-Milied. Iżda hawn min imur jixtri kollox f’lejliet il-Milied!
Ħafna bejjiegħa diġà bdew jirriklamaw is-siġar tal-Milied u anke d-dekorazzjonijiet! Min iżejjen kull biċċa għamara fid-dar u min ma jżejjen xejn! Però naħsbu li iktar ma żżejjen id-dar kmieni, iktar tidħol fl-ispirtu tal-Milied. U int? Meta tibda żżejjen?
Iktar ma jmur iktar nibdew naħsbu biex insajru xi ħelu tradizzjonali tal-Milied! U ovvjament nibdew nieklu l-ħelu li naqilgħu u dak li nsajru! Apparti hekk, mill-ewwel ta’ Diċembru nibdew nieklu dik iċ-ċikkulata ta' kuljum tal-kalendarju tal-avvent! Għadek tixtrih il-kalendarju tal-avvent?
Meta kontinwament tibda tisma’ l-kanzunetti tal-Milied fuq l-istazzjonijiet tar-radju, tibda taqla’ u tiekol ħafna ħelu tal-Milied, għid li l-Milied riesaq ġmielu! Imma għal xi raġuni jew oħra mhux kulħadd iħobbu l-Milied! Opinjonijiet differenti!
Minkejja x’jaħseb kulħadd, tħobb il-Milied jew le, il-25 ta’ Diċembru jasal 99 ġurnata oħra! Jasal, jgħaddi u jekk Alla jrid, nibdew sena ġdida b’wiċċ il-ġid!