Fabian Scerri De Carlo mill-karattru ta' Liam fi Ħbieb u Għedewwa, għall-karattru partikolari li jinterpreta ta' Gawdenz, karattru li għalih ifisser ħafna. Kellu bosta esperjenzi memorabbli fil-karriera tiegħu matul is-snin fosthom Kristu tal-Kerrejja u Vittmi. Dan tal-aħħar kien wieħed speċjali għal Fabian u kull min ħadem fih minħabba l-fatt li kien l-aħħar xogħol mill-pinna ta' Lino Grech.

Fabian, fir-raba' staġun ta' Ħbieb u Għedewwa sirna nafu l-karattru li qiegħed tinterpreta, dak ta' Liam. Kif kienet din l-esperjenza għalik?

Fi Ħbieb u Għedewwa ninterpreta l-parti ta' Liam, karattru għal qalbi u dan għaliex joffri sfida fejn naraw lil Liam bħala raġel tal-familja, seren, umli u eżemplari, li għalkemm jisfa vittma ta' komplott, jibqa’ jżomm sod biex iħares l-interess tal-familja. Min-naħa l-oħra naraw lil Liam misterjuż u aggressiv sforz ta’ piż li jġorr mill-imgħoddi u narawh isib diffikultà kbira biex jinsa l-passat u jibda kapitlu ġdid fil-ħajja tiegħu u forsi jikseb is-serenità u l-paċi.

Kull karattru għandu l-istorja tiegħu għaliex l-ebda wieħed mhu l-istess. Nista' ngħid li qed nieħu gost ninterpreta dan il-karattru, esperjenza pożittiva fejn tlaqqgħek ma' bosta ħbieb antiki kif ukoll ma’ atturi ġodda.

Tista' tagħtina ħjiel dwar kif se jkomplu jiżvolġu l-karattru ta' Liam u l-istorja tiegħu?

Fuq kif se jiżvolġi l-karattru ma tantx nista' nelabora u r-raġuni hija waħda evidenti, però nista' ngħid li se tkun ferm interessanti.

Ċertament li l-aktar karattru li int magħruf għalih hu dak ta' Gawdenz Bilocca. Xi jfisser għalik dan il-karattru?

Gawdenz ifisser ħafna għalija, u jkolli nammetti li huwa l-aktar karattru li tani taħlita ta' emozzjonijiet. L-akbar sodisfazzjon personali hu l-esperjenzi ta' ħafna familji bit-tfal, adulti u anzjani li jwaqqfuni u jirringrazzjawni għax fl- aktar mumenti diffiċli, Gawdenz irnexxilu jnessihom ftit mill-imrar li taf toffri l-ħajja u jnisslilhom tbissima.

X'hemm isbaħ minn hekk ma nafx. Fenomenu u misteru ieħor ta' Gawdenz hu li jirnexxilu jinftiehem minn kulħadd, anke minn min qatt ma kellu reazzjoni għal xejn minħabba xi kundizzjoni. Fisser ukoll uġigħ u taqtigħ il-qalb, riżultat tal-għira. Iżda fuq nota pożittiva, bla ebda dubju, is-sodisfazzjon u l-ferħ li tani dan il-karattru jissupera dan kollu.

Naf li s-sensiela Vittmi hi għal qalb kull min kien involut fiha għar-raġuni li l-moħħ warajha kien Lino Grech u kienet ix-xewqa tiegħu li ssir fuq it-televiżjoni. X'kien ifisser il-fatt li rnexxilkom twettqu l-aħħar xewqa li kellu?

Vittmi jfisser ħafna għalija u nħossni ferm onorat li ġejna fdati bl-aħħar sensiela mill-pinna ta' Lino Grech u li Frederick Camilleri rnexxilu jkompli b'mod impekkabbli biex b'hekk kellna s-sekwenza tiegħu Vittmi 2. Vittmi tani taħlita ta' emozzjonijiet. Dispjaċir kbir li Lino Grech ma laħaqx jara l-aħħar xogħol tiegħu fuq it-TV.

Sodisfazzjon kbir li ġejt fdat waħda mill-partijiet prinċipali li kienet tirrikjedi sfida u riċerka intensiva. Sensiela attwali li ġġibek wiċċimbwiċċ mar-realtà tal-ħajja, b'messaġġ qawwi fuq l-importanza biex ngħożżu u nibżgħu għal waħda mill-akbar rigali, il-familja.

F'Vittmi flimkien ma' Daniel Borg Carbott, kont ukoll produttur u direttur u għalhekk s-sensiela kienet tinvolvi wġigħ ta’ ras kemm, locations, kast, skedi, eċċ. U wkoll ħafna ħinijiet twal ta' filming, sigħat twal mal-editur, eċċ. Produzzjoni ferm għal qalbi u li ntgħoġbot minn eluf kbar li segwewha.

Kif tiddeskrivi lil Lino Grech u liema huma l-isbaħ memorji miegħu li tibqa’ tgħożż?

Lino Grech kien strumentali fit-tisħiħ tax-xogħlijiet teatrali u televiżivi, direttur, attur u kittieb bravu mmens. Raġel umli u li kellu għal qalbu l-familja. Il-kitba tiegħu kienet tkun dejjem nadifa u minsuġa tajjeb ferm, fejn kien jirnexxilu jbikkik u jlissinlek tbissima fl-istess waqt.

Jekk wieħed jifli l-kliem tiegħu bir-reqqa jifhem ukoll il-messaġġ li dejjem kien ikun irid iwassal, messaġġ fejn ngħożżu l-isbaħ il-valuri li toffri l-ħajja. Ma nistax ngħidlek liema hu l-aktar mument li ngħożż ma' Lino għax nibqa' ngħożż kull mument li kelli x-xorti nqatta' miegħu.

Kif bdejt il-karriera tiegħek ta' attur?

Bdejt il-karriera tiegħi madwar 30 sena ilu, l-iskola tad-drama MTADA. Dak iż-żmien kienet ferm aktar impenjattiva għaliex kienet erba’ darbiet fil-ġimgħa. Wara seba’ snin iggradwajt u minn hemm ma ħaristx lura. Ħadt sehem f'bosta produzzjonijiet teatrali, televiżivi kif ukoll fi-ċinema lokali. F'Baħar Wieħed, Simpatiċi, Ipokriti, Kristu tal-Kerrejja, Tgħanniqa, Gawdenz, u Vittmi huma wħud minnhom. U issa wkoll fi Ħbieb u Għedewwa.

Fejn tħoss li hemm il-bżonn li nirranġaw għall-aħjar f’dan il-qasam?

Għalkemm sar progress f'dan il-qasam,naħseb li fadal ħafna xi jsir. Kieku kulħadd jingħata ċ-ċans, speċjalment għal produzzjonijiet televiżivi, it-telespettaturi jkollhom taħlita ta’ drama/programmi msejsa fuq ideat ġodda.

X'jagħmlek l-aktar kuntent?

L-aktar ħaġa li tagħmilni kuntent hija l-imħabba, l-għaqda tal-familja u l-ħbieb tal-qalb. Ir-rispett li għandu jkun dejjem reċiproku, is-saħħa, serħan tal-moħħ u paċi fil-qalb. Xejn aktar.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Facebook / The Entertainers


Roberta Magri