Fuq il-blog tiegħu, it-tabib Joseph Mizzi spjega aħjar is-sintomi u r-riskji marbutin ma' din l-endemika:
L-mpox (qabel magħrufa bħala monkeypox) hi infezzjoni rari kkawżata mill-monkeypox virus (MPXV). Hemm żewġ varjanti ewlenin tal-virus.
Is-sintomi jinkludu deni, uġigħ, ponot u glandoli minfuħin. Ġeneralment il-marda tgħaddi fi ftit ġimgħat.
L-mpox hi endemika fl-Afrika Ċentrali u tal-Punent (l-aktar fil-Kongo). Naturalment jista' jkun hemm xi każijiet fl-Ewropa wkoll, inkluż Malta, minħabba l-ivjaġġar.
Tinxtered mill-annimali (bħal firien) għall-bniedem; u minn bniedem għall-ieħor, l-aktar minn kuntatt sesswali u fiżiku mill-qrib ma' nies morda bl-mpox, jew oġġetti ikkontaminati.
Ir-riskju li timrad bl-mpox f'Malta huwa żgħir ħafna ħafna. Il-parti l-kbira tal-każijiet li kien hawn fl-Ewropa f'dawn l-aħħar snin kienu f'irġiel li jagħmlu sess ma' rġiel oħra.
Naturalment, ir-riskju li tieħu l-virus huwa akbar jekk iżżur pajjiżi Afrikani fejn hemm l-mpox, u speċjalment jekk ikollok kuntatt sesswali jew fiżiku ma' nies morda bl-mpox.
It-tilqima tal-ġidri (smallpox) tipproteġi kontra l-mpox, imma din it-tilqima mhix rakkommandata għall-pubbliku inġenerali. It-tilqima tal-ġidri r-riħ (chickenpox) ma tagħti ebda protezzjoni kontra l-mpox.
Intenni li f'Malta r-riskju li timrad bl-mpox hu żgħir ħafna. Ipprattika safe sex; evita kuntatt ma' persuni li jista' jkollhom l-mpox; ikkonsulta mat-tabib jekk ma tiflaħx bid-deni, u għandek uġigħ ta' ras jew fl-għadam, u ponot fil-ġilda jew glandoli minfuħin... mill-bqija, ejja nibqgħu għaddejjin bil-ħajja normali u ngawduha.
Website / josephmizzi.blogspot.com