F'din l-inċertezza li għaddejjin minnha qed toħloq żieda fil-problemi tas-saħħa mentali tant li numru ta' psikjatri qed ikomplu jikoraġixxu n-nies sabiex jekk għandhom bżonn l-għajnuna jfittxuha. Wieħed jista' jagħmel użu mil-linja 1770 li tnediet proprju għal dawn iż-żminijiet.

F'artiklu li deher fuq it-Times of Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatri (MAP), appellat sabiex dawk kollha li forsi qed iħossuhom li qed jissieltu biex jgħaddu l-ġurnata ta' kuljum minħabba l-istress jew ukoll tnaqqis fis-saħħa mentali tiegħek, tista' iċċempel il-linja 1770 jew ikkuntattja lill-tabib tiegħek jew inkella ċ-ċentru tas-saħħa.

L-appell tagħhom ikompli billi jżidu li wieħed ma għandux jistenna sakemm is-sitwazzjoni tkun waħda gravi. Hu jemmnu li kull ħajja prezzjuża u ħadd m'għandu jitlef ħajtu jew il-battalja tiegħu għas-saħħa mentali.

F'ġimgħa waħda, n-numru ta' persuni li ddaħħlu ġewwa Mount Carmel żdied bid-doppju minn dak li ssoltu jkollhom. Għalkemm għan-numru ta' nies il-kriżi fissret brejk żgħir u jgħaddu aktar ħin mal-familja tagħhom, għal oħrajn il-kriżi wasslet għal stat ta’ skumdità u inċertezza u anke forsi jħossuhom fit-tard.

Hemm min tilef ir-rutina ta' kuljum u din is-sitwazzjoni tista' toħloq tensjoni interna u nkwiet li jwassal għal ansjetà. Barra minn hekk hemm dak li jgħixu bil-biża' ta' dan il-virus, kemm għalihom u kemm għal dawk għeżież tagħhom.

Nigel Camilleri kkumenta dwar dan u żied jgħid li wieħed minn kull erba' persuni fid-dinja jkollu bżonn jieħu l-kura minħabba s-saħħa mentali. Hemm numru ta' sinjali li wieħed jista' jfittex, dawn huma; ma tkunx tista' torqod, mhux tiekol jew tiekol iżejjed, bidla fl-imġieba, tfittxija f'kumdità bħal alkaħol jew sustanzi oħra u anke li tesprimi li ma tridx tkun hawn jew tieqaf tiffunzjona u tqatta' jiem sħaħ fis-sodda.

Fittxu l-għajnuna u ċemplu fuq 1770, iktar ma' wieħed jaġixxi kmieni, iktar aħjar.


Emil Calleja Bayliss