Fir-rivista ta' Diċembru li għadda, kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' Keith Demicoli. Lil Keith, fix-xhur li ġejjin ħa nibdew narawh bħala wieħed mill-preżentaturi ta' Shark Tank. Keith jibqa' sinonimu mal-aħbarijiet u ma stajniex ma nistaqsuhx dwar jekk għadux jara l-aħbarijiet u x'jaħseb mix-xandara preżenti. Kif wieħed jista' jinnota, kemm ilu li Keith ħalla x-xena, rajna diversi wċuħ ġodda jaqraw l-aħbarijiet. 

Illum il-ġurnata tara aħbarijiet?

Biex inkun onest miegħek, minn mindu spiċċajt, bdejt nipprova nsib, jekk ikolli ftit ħin, niddedika ftit għall-familja għax ħafna drabi kien qed ikolli xi attività filgħaxija għax żdiduli l-impenji bħal konferenzi jew xi awards night. F’dawn is-sitt xhur jekk rajt 2 bullettini tal-aħbarijiet f’daqqa, ħafna... ma rnexxilix nara iktar minn hekk. Imma jekk tgħidli “Immisjajthom l-aħbarijiet f’dawn is-sitt xhur?”, ngħidlek li l-aħbarijiet ma mmisjajthomx. Li mmisjajt kienet ir-relazzjoni man-nies, imma tal-anqas irnexxieli nżomm ftit kuntatt b’dawn il-programmi li għandi.

Jiġifieri jekk ngħidlek x’taħseb fuq ix-xandara preżenti, tgħidilna?

Ma rajtx biżżejjed aħbarijiet biex ikun nista’ nikkummenta, imma hemm ħafna tajbin. Issa d-dinamika tal-aħbarijiet inbidlet għax issa hemm xi għaxra differenti jaqraw l-aħbarijiet; kollha għandhom il-karatteristiċi partikolari mill-ftit li nafhom waqt li kont naħdem magħhom. Fis-sens mhux kif kont jien; għamilt disa’ snin kważi naqra l-aħbarijiet jien. Dik oħra, ħajti qisni ħadtha ftit lura għax qabel dejjem kont nasal id-dar fid-9.15 ta’ filgħaxija. Il-mara u t-tifla batew miegħi f’din; fis-sens nibda xogħol fil-11 normalment għaliex ġieli kont nibda fit-8 ta’ filgħodu, mbagħad li tibqa’ sad-disgħa ta’ filgħaxija kienet tgħejjini fiżikament u mentalment. Imma la x-xogħol tieħu gost tagħmlu, ma kontx ingerger. Issa b’din id-deċiżjoni ridt intihom iktar prijorità, allura dak il-ħin nipprova nqattgħu iktar mal-familja.

X’qalulek il-mara u t-tifla?

Sa ċertu punt il-mara ħadet gost li nkunu hawn filgħaxija u issa kemm ilna li ġejna r-Rabat sena ilu, iktar u iktar; tal-anqas ingawdu ftit id-dar flimkien filgħaxija. Ix-xogħol li kelli kien sabiħ però fih impenn, li fit-20:00 trid tkun live; dan qatt ma rrekordjajnieh l-aħbarijiet. Trid tkun hemm u trid tkun fl-aqwa tiegħek, in-nies ħafna drabi ma kinux jindunaw li jiena kont inkun ilni xi għaxar sigħat qabel fin-news room. Kienu jaħsbu li nkun frisk bħal ħassa; għadni dieħel xil-ħamsa ta’ waranofsinhar.

Il-ħajja għal Keith illum il-ġurnata differenti minn kif kienet qabel. Qiegħed ikollu aktar ħin għall-familja, ill-mara u t-tifla. Nawgurawlek aktar suċċess f'dak kollu li tagħmel Keith! 

Facebook / Keith Demicoli


Gwida.mt