John jaqsam l-istorja tiegħu mal-paġna The People of Malta fejn jibda billi jgħid, "Jekk tistaqsini 'kif int?', jien dejjem 'tajjeb' ngħidlek li nħossni. Mhux daqs li kont, imma xorta nibqa’ dejjem pożittiv. Infatti f'Awwissu li għadda kont qed nilgħabha bejn ħajja u mewt. Bdejt intella' naqra demm u t-tabib bagħatni mill-ewwel l-isptar."

Hu jistqarr, "Għal ħmistax-il ġurnata ma kinux jafu x'għandi, għamilt żmien kont fuq il-ventilator u għamilt ġimgħa sħiħa ma nikolx. Saħħti marret lura. Sabu li kelli vasculitis li hija marda fil-ġogi. Marda li attakkatli l-organi tiegħi. L-ewwel daret għall-ġogi imbagħad għall-pulmun. Sptar qatt ma kont dħalt qabel."

Dan żgur li kien ta' xokk għalih. Infatti John mal-istess paġna John ikompli jgħid, "Filli kont attiv, filli kelli nieqaf minn kollox. Sal-lum għadni qed nieħu l-chemo therapy. Imnalla m'għadnix żgħir u llum inġib is-67 sena għax kieku min kien se jagħmlu xogħli? Kont inqiegħed il-madum u kont inħobb ukoll is-sajd. Kont immur ħdejn il-baħar u mmur ma’ xi ħbieb fuq il-baħar nistad."

Hu jispjega, "Meta nkun sejjer għall-chemo, ma noqgħodx ngħid 'uff' sejjer għat-trattament. Fil-fatt it-tfal lanqas biss jindunaw li jkun imissni għax mhux persuna li se noqgħod neqred. Issa mbilli noqgħod ingerger x’se nieħu? Li hemm bżonn isir, isir."

Hu jkompli jgħid, "Ta' 21 sena iżżewwiġt lil Dorothy li kellha 19-il sena. Miż-żwieġ kellna żewġt itfal. Għadna kemm għalaqna 46 sena miżżewġin. Dejjem kelli ġibda lejha. Fil-ħajja xejn ma nbiddel, hekk nerġa’ ngħix u nagħmel. Nikkuntenta b’dik in-naqra li jkolli u dejjem nagħmel safejn niflaħ."

John ittemm, "Jien dejjem pożittiv. Qatt ma ngħid illum xi dwejjaq. Filgħodu kont immur ix-xogħol, wara kont immur nistad jew ninżel sal-moll Birżebbuġa."


Gwida.mt