Jekk tixtieq tiċċelebra Jum San Valentinu b’mod kemxejn differenti u forsi ftit iktar kreattiv mis-soltu, din is-sena l-Malta Crafts Foundation qed ittik l-opportunità li tattendi għal sessjoni mal-artiġjana fil-villaġġi tal-artiġjanat ġewwa Ta’ Qali f’Malta u Ta’ Dbieġi f’Għawdex, fejn tkun inti stess li toħloq ir-rigali għall-maħbubin tiegħek.
Express Your Love, kif inhi msejħa l-attività, se ssir f’Jum San Valentinu stess nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Frar, kif ukoll l-għada s-Sibt, 15 ta’ Frar, bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinhar.
Din hija opportunità unika għalik jekk tixtieq tagħmel xi ħaġa ftit differenti sabiex tesprimi mħabbtek lejn il-maħbub jew maħbuba speċjali tiegħek, jew forsi anki lejn persuni għeżież oħra li għandek f’ħajtek, hekk kif diversi artiġjana fil-villaġġi ser ikunu qed jilqgħuk għandhom u jgħinuk tagħmel rigal b’idejk inti stess, li b’hekk żgur ikun iktar speċjali u apprezzat.
Min jixtieq jipparteċipa f’xi sessjonijiet fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali ser ikun jista’ jagħżel minn fost diversi tipi ta’ attivitajjiet taċ-ċeramika, filigranu tradizzjonali, insiġ, u tpinġija fuq l-injam. Għal iktar dettalji flimkien mal-prezzijiet, żur din il-paġna: https://shorturl.at/YeKyN.
U jekk għandek f’moħħok li tqatta’ tmiem il-ġimgħa f’Għawdex, tista’ tinkludi din l-attività fil-programm tiegħek u toħloq prodotti artiġjanali taċ-ċeramika, filigranu tradizzjonali, macramé, jew fwieħa artiġjanali personalizzata għall-gosti tiegħek. Żur din il-paġna għal aktar informazzjoni: https://shorturl.at/WLF9X.
Filwaqt li tista’ tirriserva postok għas-sessjoni li tixtieq minn dawn il-paġni, int mitlub ukoll iċċempel lill-artiġjana fuq id-dettalji mogħtija sabiex b’hekk tiftiehem ħin li jkun konvenjenti għalik direttament magħhom.
U jekk forsi tixtieq tipprova snajja diversi u tara liema l-iktar li togħġbok minnom, għaliex le? L-artiġjana jinsabu viċin xulxin u għalhekk ikun faċli għalik li tiddedika ġurnata sabiex titgħallem iktar is-snajja kollha li jiprattikaw u li jifformaw parti mill-kultura daqstant sabiħa ta’ pajjiżna.
Għal aktar dettalji, żur is-sit elettroniku tal-Malta Crafts Foundation billi tidħol fuq: https://maltacrafts.org/events/express-your-love-2025/ jew segwi l-paġni soċjali fuq Facebook u Instagram.