It-tifla ċkejkna li rajna flimkien ma' Ike fuq Malta's Got Talent, it-tfajla li rajna ma' Ike fil-Junior Eurovision qed tikber u l-vuċi tagħha aktar tkompli tavvanza 'l quddiem. F'dawn l-aħħar jiem, Kaya kienet barra minn xtutna. Wara li rebħet l-overall ġo festival fil-Polonja, grazzi għal Evelina Batey hi kellha ċ-ċans li tirrappreżenta lil Malta fil-festival presitġjuż ta' Slavianski Bazaar.

Festival li l-finali tiegħu ssir fuq żewġ serati, fl-ewwel serata l-kantanti jinterpretaw kanzunetta internazzjonali filwaqt li fit-tieni serata, il-kantanti jkantaw kanzunetta minn pajjiżhom. Kaya kantat il-kanzunetta My Heart Will Go On, kanzunetta oriġinali ta' Celine Dion filwaqt li fis-serata ta' kanzunetta minn Malta għażlet il-kanzunetta Pure ta' Claudia Faniello.

Fl-ewwel lejla Kaya ġabet il-massimu tal-punti mingħand il-ġurija - 70 punt filwaqt li fit-tieni serata hi ġabet 69 punt. Punt 'il bogħod mill-massimu tal-punti. Dan wassal biex il-kantanta Maltija tirbaħ l-ewwel post f'dan il-festival f'isem Malta għall-ewwel darba. Il-kompetizzjoni kienet waħda b'saħħitha mmens, speċjalment mill-kantanti maskili mill-Italja u l-Każakstan, u l-kantanta femminili mill-Użbekistan!

Prosit Kaya! Għamiltna lkoll kburin bis-suċċess tiegħek. Ninsabu ċerti li se nisimgħu ħafna aktar dwar fil-futur!


Emil Calleja Bayliss