Mhux kulħadd jista’ jgħolli rasu u jistqarr li għandu x-xorti jissieħeb fil-West End ta’ Londra, wieħed mill-aktar postijiet prestiġjużi u għal qalb min jaf kemm-il entużjast tat-teatru. Għaldaqstant, il-ħajja preżenti ta’ Nicole Sciberras, biss ta’ 22 sena, hija xejn inqas minn hekk: din il-Maltija f’dan il-mument tinstab ħabrieka fil-proċess li tipproduċi musical oriġinali sabiex jittella’ fuq palk tal-West End.

West End

Flickr / Steve Collis

Nicole ngħatat l-opportunità tistudja Goldsmiths, università ġewwa Londra, u bħala taqsima mill-Maġisteru tagħha hija qiegħda tgħin sabiex jissawwar Mary Shelley, musical li ser jesplora ħajjet il-kittieba rinomata ta’ Frankenstein. Gwida.mt ingħaqad ma’ Sciberras għal ftit kummenti rigward l-esperjenza tagħha, fejn hi tisħaq li mhix biss hija waħda unika, iżda waħda li ppermettieha tiżviluppa sens ta’ responsabbiltà liema bħalha.

MS

Facebook / Mary Shelley - the musical

“Mill-iskeda tar-rehearsals sal-budget, u anka l-impjieg tat-tim kreattiv, id-deċiżjonijiet kollha jridu jittieħdu bil-galbu, għax li jkollok persuna flok oħra jaf iwaqqaf l-ispettaklu milli jilħaq il-quċċata jew saħansitra ma jbigħx biżżejjed.”

“Il-produzzjoni qiegħda f’pożizzjoni tajba ħafna: l-iscript inkiteb kollu, l-iscore kważi komplut, u l-artisti li qed jieħdu sehem huma impenjati u mimlijin enerġija biex jikkontribwixxu l-ideat tagħhom.”

MS

Facebook / Mary Shelley - the musical

“Waħda mill-akbar sfidi s’issa kienet il-fatt li kellna nfittxu kompożitur ġdid, għaliex l-oriġinali li sibna kien wisq imħabbat. Kellna nerġgħu nibdew mill-bidu nett, inħassru l-mużika li konna ktibna u nagħmluha mill-ġdid. Fl-aħħar mill-aħħar irnexxielna negħlbu dan l-ostaklu, u minkejja dan, l-esperjenza xorta waħda hija waħda inkredibbli: opportunità ta’ darba f’ħajtek.”

Facebook / Nicole Sciberras


Kurt Gabriel Meli