Bħalissa ġewwa Fomm ir-Riħ u L-Għargħur qed tinġibed produzzjoni bl-isem ta' The Seed. Produzzjoni b'investiment ta' €2 miljuni li nofs minnu qed jinġibew ġo pajjiżna. Il-produzzjoni hija waħda tal- kumpanija Ingliża, Ingenious Group, b'kollaborazzjoni lokali. It-tema tal-produzzjoni hija deskritta bħala 'sci-fiction horror'.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, fil-jiem li għaddew żaru wieħed miż-żewġ siti fejn qed issir din il-produzzjoni. Huma ltaqgħu mal-produtturi u ma' wħud minn dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-produzzjoni.

“Huwa ta' sodisfazzjon li Malta għal darb'oħra qiegħda tattira produzzjoni oħra ta' livell internazzjonali, produzzjoni li qiegħda tħalli f'pajjiżna madwar miljun ewro. Din il-produzzjoni hija tal-ġeneru 'sci-fiction', ġeneru li mhux normalment komuni li jiġi ffilmjat f'pajjiżna. Minkejja l-isfidi li laqtu l-industrija tal-films mondjali, Malta baqgħet tattira numru ta' produzzjonijiet ġodda, li jsaħħu r-reputazzjoni tagħna u jagħmluna aktar kompetittivi, grazzi wkoll għall-'cash rebates' attraenti li noffru," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Wieħed mill-produtturi, Matt Hookings, qal li reġa' rritorna lejn pajjiżna wara li s-sena li għaddiet huwa u t-tim tiegħu pproduċew ukoll il-film The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica, produzzjoni li se toħroġ fi żmien qasir. “Wara dik l-esperjenza daqstant tajba kien jagħmel sens li nerġgħu niġu hawn fejn qegħdin nerġgħu nsibu għajnuna u koperazzjoni kbira min-naħa tal-Kummissjoni Maltija tal-Filma," qal Matt Hookings.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li din hija r-raba' produzzjoni li qed tinħadem f'Malta matul Settembru. Produzzjoni li hemm jaħdmu ftit inqas minn 80 ruħ fuqha, li aktar minn nofshom huma Maltin. “B'sodisfazzjon ngħid li komplejna nattiraw produzzjonijiet minn pajjiżi differenti u komplejna nsaħħu din l-industrija. Ninsabu ferm ottimisti li se nkomplu nattiraw lejn pajjiżna aktar produzzjonijiet", qal is-Sur Grech.


Gwida.mt