Il-kap tal-iskola Għawdxija The Happy School, is-Sur Lelio Spiteri, dejjem jaqsam affarijiet pożittivi li anke jispirawna fuq il-profil tiegħu.

Episodju partikolari li kellu llum Lelio jgħid kemm għenu jħossu kburi bil-professjoni u vokazzjoni tiegħu. Hu jikteb dwar laqgħa li kellu ma' student li bħalissa mhux jattendi skola iżda xorta waħda ried imur biex jiltaqa' ma' dan is-surmast tant dedikat!

"Illum ġie jarani Clive għax bħalissa mhux qed jattendi skola. Xtaq jiltaqa’ ftit miegħi. Episodji bħal dawn ikomplu jgħinuni nifhem aħjar il-missjoni tiegħi bħala kap ta’ skola. Ir-rwol imur ferm lil hinn milli wieħed sempliċement imexxi istituzzjoni." 

Is-Sur Lelio jkompli li "Skola mhix fabbrika bil-ħaddiema f’katina ta’ produzzjoni. Aħna f’idejna għandna t-tfal! Xi ġmiel, x’barka, x’responsabilita’! Kuljum jeħtieġ tilbes bosta kpiepel: manager, leader, counsellor, social worker, saċerdot, tabib, kumpann, ħabib, tifel. Issir parti minn tant familji, stejjer varjati kkuluriti, tidħol fil-qalb ta’ tant persuni, speċjalment tat-tfal. Missjoni xejn faċli, li kapaċi tfieri, tweġġa’ iżda fl-istess ħin televa, timla b’ferħ indeskrivibbli, f’kelma waħda missjoni ta’ MĦABBA."

Prosit Sur Lelio - dejjem nieħdu pjaċir nisimgħu dak li għandek xi tgħid!


Kyle Zarb