Kumment sempliċi taf itella’ lil dak li jkun fis-seba’ sema u jimlieh kuraġġ jekk ikun wieħed pożittiv. Iżda jekk jinserta l-kumment ikun negattiv jista’ jaħdem bil-kontra. Emma Muscat, mil-lejl għan-nhar kisbet popolarità kemm f’pajjiżna u anke ġewwa l-Italja, b’eluf ta’ ammiraturi jsegwu lil kantanta lokali fiż-żewġ pajjiżi.
L-umiltà tal-kantanta tispikka kull meta titkellem, iżda riċentament innutajna li saħansitra ħalliet kumment fuq il-filmat tal-kantanta ġdida, Giulia Cilia. Giulia kantat il-kanzunetta Best Part tal-kantanta H.E.R u milli jidher fost in-nies li impressjonat fuq Facebook, kien hemm Emma Muscat. Emma ħallietilha kumment li jiswa mitqlu deheb.
“Dan hu talent! Prosit Giulia!” u sinjal ta’ qalb ma naqasx, kummen bħal dan għat-tfajla ta’ 14-il sena jiswa ħafna u żgur li jimlieha kuraġġ biex tkompli timrah f’din il-karriera tal-kant. Għalkemm Giulia ilha tħobb il-kant u l-mużika minn età żgħira, kien dan l-aħħar li ddeċidiet li tieħu dan it-talent b’serjetà.
Għalkemm ġieli ħadet xi lezzjonijiet, din l-aħħar sena u nofs bdiet tattendi għal-lezzjonijiet fi ħdan VocalBooth Studios taħt id-direzzjoni ta’ Glen Vella. Glen u Pamela Bezzina, it-tnejn kellhom kliem ta’ tifħir lejn Giulia, Glen qallha kemm jinsab kburi biha u Pamela qaltilha bravisima. Giulia tiġi oħt Gianluca Cilia, li rrapreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision tal-2017 bil-kanzunetta Dawra Tond.
Aktar kmieni din is-sena Giulia għamlet il-kuraġġ biex titla’ fuq il-palk bħala backing vocalist fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ. Hi ingħaqdet ma’ Ela Mangion, li rrapreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision tal-2018 u Ilenia Camilleri fejn kienu involuti fi tliet kanzunetti, inkluż il-kanzunetta rebbieħa ta’ ħuha stess, Ħaġar Qim. Jidher li din l-esperjenza mliet iż-żagħżugħa b’kuraġġ biex tespirmenta bħala solista u l-kumment ta’ Emma Muscat żgur ikompli jgħin.
Hu sabiħ li kantanti stabbiliti bħal Emma Muscat u oħrajn fix-xena lokali, jsegwu dak li qed jiġri u jaraw it-talent li għandna tiela’. Kumment sempliċi jista’ jgħin biex dak li jkun isib il-kunfidenza li jkollu bżonn biex ikompli jikber u jimrah bħala kantant.
F’isem Gwida.mt nixtiequ lil din il-kantanta aktar u aktar suċċess fil-futur, ċerti li ħa nisimgħu aktar mingħandha.