Emma Muscat tibqa' għaddejja soda fix-xena mużikali Taljana. Wara Amici rajnieha diġà waqt is-Seat Music Awards li sar fl-Arena di Verona kif ukoll il-programm Verissimo u rajnieha f'kunċert ta' battiti live li xxandar fuq Italia 1 nhar l-Erbgħa 17 ta' Lulju. Emma titkellem magħna dwar l-isfidi li ffaċċjat kif ukoll il-kollaborazzjoni ma' Biondo għal Avec Moi.

Emma, issa llum il-ġurnata tinsab ibbażata fl-Italja u l-opportunitajiet qegħdin dejjem jikbru. X’inhuma l-ikbar sfidi li tħoss li qed tiffaċċja li qed tgħix f’pajjiżi barrani?

Fil-bidu hekk kif ħriġt minn Amiċi ltqajt ma’ ħafna sfidi. L-ewwel sfida kbira kienet il-lingwa, il-kultura u l-industrija mużikali li kienu kollha ġodda, u l-ħbieb. Ħassejtni naqra maqtugħa u waħdi f’pajjiż u nies ġodda u dan kollu kien naqra ta’ biża’ għalija. Kont għadni kif ħriġt mill-programm twil u kont ili ’l bogħod mill-familja tiegħi u pajjiżi għal kważi sitt xhur. Dan kollu kien esperjenza ġdida imma issa wara sena nħossni qisni d-dar hawn fl-Italja.

Sirt naf aktar aħjar in-nies li naħdem magħhom f’din l-industrija u issa għandi relazzjoni tajba ħafna magħhom. Dejjem hemm dawk l-isfidi li wieħed iħabbat wiċċu magħhom bħal kompetizzjoni ma’ kantanti u artisti oħrajn, iċ-challenges ta’ pressjoni li kulħadd jistenna mużika ġdida, trid tikkuntenta lill-fans kemm bit-tweġibijiet u kemm bil-mużika.

Hemm ukoll il-fatt li meta toħroġ barra mid-dar, tmur fejn tmur, in-nies tagħrfek u int dejjem trid tagħmel mill-aħjar biex tkompli magħhom, tirrispondi l-mistoqsijiet tagħom, tieħu ritratti magħhom u dejjem ikollok tbissima fuq wiċċek… anke jekk tkun għaddejja minn ġurnata ħażina jew perjodu ftit iswed.

Avec Moi hi silta riċenti li ħriġt flimkien ma’ Biondo. X’kien ir-rispons li kellek minn din is-silta?

Ir-rispons tal-pubbliku kien fenomenali. Il-fans tagħna kollha kienu ħerqanin jistennew kanzunetta flimkien. Kienu ilhom jistennew miż-żmien li ħriġna mill- programm. Sibna l-opportunità tajba. Il-kanzunetta kont ktibtha fi Frar. Kienet miktuba fuq storja ta' mħabba ta' żewġ persuni b'memorji marbuta ma' Pariġi. Meta semmajt din il-kanzunetta lil Simone (Biondo) kienet għoġbitu d-diska, tant li ried jikteb biċċa lirika fiha u bażikament hekk twieldet il-kanzunetta Avec Moi.

Rajniek ukoll fil-programm Verissimo ppreżentat minn Silvia Toffanin. Kif tiddeskrivi l-atmosfera fl-istudjo ta’ programm daqstant segwit kemm fl-Italja kif ukoll f’Malta?

L-atmosfera kemm fl-istudjos ta’ Amiċi u ta’ Verissimo hija unika. Tara ħafna fans li jibdew jibku għax int għalihom huma l-idolu tagħhom. Din hija esperjenza u l-vibe tħossha u tqabbiżlek ġismek xewk xewk. Meta tkun qed tkanta fuq il-palk u tibda tara dawk l-għajnejn mimlijin bid-dmugħ u l-espressjoniet ta’ mħabba u adorazzjoni tħossok li qiegħda f’dinja oħra.

Din tagħtik il-ħeġġa biex lil dawk il-fans tagħtihom performance mill-aqwa! Min-naħa l-oħra kont nervuża ħafna, mhux biss dak li tħoss qabel ma toħroġ fuq il-palk imma meta huwa programm televiżiv, speċjalment għalija, inħoss l-eċċitament tant aktar għax inħossni nervuża nitkellem ħafna iktar milli meta nkanta!

Bla dubju ma nistgħux ma nsemmux l-esperjenza waqt is-SEAT Music Awards li sar dan l-aħħar fl-Arena ta’ Verona. Kont f’avveniment li għalih jieħdu sehem kantanti kbar mix-xena mużikali Taljana. X’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek meta sirt taf li se tkun parti mill-lineup ta’ dan l-avveniment daqstant kbir?

Meta sirt naf li kont mistiedna biex inkanta l-kanzunetta Aveċ Moi fis-SEAT Music Awards fl-Arena di Verona bdejt naqbeż bil-ferħ. Ħassejt ferħ u eċċitament immens! Għalija kienet opportunità ta’ barra minn hawn. Qatt ma ħsibt li kont se nieħu sehem f’dawn l-awards. Li tkanta fl-Arena di Verona għalija hi esperjenza kbira li ma ninsiha qatt.

Kont rajt ħafna kantanti kbar fuq it-televixin ikantaw minn din l-arena u qatt ma kont noħlom li kienet se tiġini l-opportunità li nkanta jiena wkoll fuq dak il-palk storiku. Ħaġa differenti li laqtitni ħafna huwa li l-pubbliku jkun madwarek kważi dawra tond u kif ukoll fuqek u minn dak il-palk tħossok vera żgħira u kważi midfuna u miblugħa mill-pubbliku u tħossok qisek nemla.

Liema huma l-aktar affarijiet li timmissja minn Malta?

Minn Malta l-iktar li nimmissja ħuma l-familja, il-kelba u l-baħar blu. Imma peress li m’hawnx ħafna bogħod u għandna l-kumdità kollha f’inqas minn sagħtejn nista’ nerġa’ lura f’pajjiżi.

Kien hemm xi raġiuni partikolari li ntgħażel l-isem Moments għal dan l-album?

Iddeċidejt li nsemmi l-album Moments għax dawn huma mumenti speċjali f'ħajti li għaddejt minnhom. Kienu mumenti vari fil-ħajja tiegħi fejn ħassejtni ferħana u maħbuba kif wkoll mumenti fejn ħassejtni mnkitta u mweġġa'. Mumenti fejn ħassejtni diżappuntata bl-atteġġjament ta' nies madwari u oħrajn meta ħassejtni waħdi.

Dawn kienu kollha emozzjonijiet li għaddejt minnhom u ġegħluni ndur għal mużika biex nesprimi ruħi. Bosta minna ġieli għaddew minn mumenti bħal dawn u nħoss li nista' naqsam magħkom l-emozzjoni tiegħi. Kburija ħafna li l-kliem tal-kanzunetti qed jilħqu ħafna nies. M'hemmx aqwa sodisfazzjon meta tirċievi biżibielju ta' messaġġi minn fans jistqarru li ħassewhom għaddejin minn mumenti ta' diffikulta u l-mużika tiegħi tgħinhom ħafna!

Ħafna żgħażagħ iqisuk llum il-ġurnata bħala l-idolu tagħhom. Hemm min ukoll jixtieq jimxi fuq il-passi tiegħek u jidħol għal xi kompetizzjoni teleżiva bħalma kienet Amici. X’parir tagħtihom lil dawn li qed jaspiraw li jidħlu għal din l-isfida?

Dejjem emmnu f’dak li tagħmlu. Jekk tħoss xi xkiel jew diffikultà imma temmen fik innifsek sforza ruħek biex tilħaq dak li trid, speċjalment jekk din hija ħaġa ta’ passjoni għalik. Trid tirbaħ il-biżgħat tiegħek. L-eżempju tiegħi kien li ddeċidejt li nidħol għal kompetizzjoni ta’ talent fuq it televixin, f’pajjiż stanġier għalina u lingwa li ma kontx naf. Ma kont naf lil ħadd, kelli nitlaq lill-familja għal żmien twil, ’il bogħod mill-familja u mill-ħbieb imma kien riskju li ddeċidejt li nieħu waħdi għax vera ridt insegwi ħolma li dejjem kelli.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettqu fil-futur?

Il-ħolma tiegħi qed ngħixha bħalissa. Li wasalt fejn wasalt s’issa u li għandi nies li jsegwuni, iħobbuni u li tolqothom il- mużika tiegħi u li nista’ nwassal messaġġ mill-kanzunetti tiegħi huwa l-akbar ħolma li qatt xtaqt. Ovvjament nixtieq li nkompli nilħaq aktar nies, li nkanta mill-palkijiet differenti u f’postijiet diversi u li nibqa’ niltaqa’ ma’ artisti u nies f’din l-industrija li jistgħu dejjem ikunu ta’ ispirazzjoni għalija.

Ħolm apparti, liema huma l-proġetti immedjati li għandek?

Minn Diċembru s’issa qed naħdem fuq it-tieni album. Għall-ewwel darba f’ħajti qed nikteb kanzunetti anke bit- Taljan li hija sfida kbira għaija. Għandi eċċitament kbir u ħerqana li naqsam il-mużika ġdida magħkom. Dan huwa proċess twil u qattajt ħafna żmien biex nikteb u nikkomponi kanzunetti ġodda.

Irid ikollok ħafna dedikazzjoni, imħabba għal dak li qed tagħmel, dixxiplina u ispirazzjoni. Kull jum huwa sfida għax bħal kittieb jew pittur, mhux dejjem issib l-ispirazzjoni li tixtieq u dan jista’ jkun anke ta’ qtigħ il-qalb. Imbagħad hemm l-aspett ta’ stennija mill-pubbliku kif ukoll minn dawk li taħdem magħhom. Sfida kbira li forsi ħafna nies jieħdu for granted! Għalhekk trid tkun dejjem iffukata, moħħok hemm u temmen f’dak li tagħmel!

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Facebook / Emma Muscat


Frederick Zammit