Mumbaj (eks Bombay) hija t-tieni l-aktar belt popolata fl-Indja wara dik ta’ Delhi. B’kollox f’din il-belt jgħixu mal-20 miljun ruħ. Jingħad li din il-belt hija l-aktar waħda sinjura mill-ibliet kollha fl-Indja. Iżda minkejja dan xorta ssib min għandu qalbu tajba u jħobb jgħin lil dawk fil-bżonn. Fil-fatt grupp ta’ tfal mimlijin enerġija rnexxielhom isibu mod kif jgħinu. Il-grupp ‘The Zero Hunger Generation’ ma jieqfu qatt jiġru u jirsistu biex jaqdu l-missjoni tagħhom, fosthom żewġ tfajliet ħelwin, Daniella u Janelle. Ix-xogħol tagħhom huwa li jduru bieb bieb jiġbru l-gazzetti b’risq il-proġett 'Zero Hunger’.

Huma kapaċi juru tlettax-il binja, b’seba’ sulari kull waħda u jkopru aktar minn 100 familja f’sagħtejn! Kulħadd jingħaqad flimkien u jgħin, b’kollox madwar 30 tifel u tifla, li lkoll jaħdmu id f’id. Ħafna huma n-nies li jingħaqdu magħhom peress li jaraw li jkollhom bżonn l-għajnuna, għal din il-kawża nobbli tagħhom. Saħansitra xi tfal joffru l-ħin tal-logħob tagħhom sabiex jgħinu huma wkoll! B’kollox, f’għodwa waħda, jirnexxielhom jiġbru 456 kilo ta' gazzetti, ħafna ikel u flus ukoll. U dan kollu jmur b’risq tfal affettwati mill-HIV u l-familji tagħhom, li dan il-grupp ilu jappoġġja għal xi snin.

Kull min jifforma parti minn dan il-grupp iħobb jara nies kuntenti u b’hekk jixtieq jgħin lill-proxxmu. Veru li mhux daqstant faċli li tiġbor il-gazzetti minn dar għal dar, speċjalment meta l-ġabra tibda titqal, imma: “Jekk nista' nagħmel dan il-ftit għal Ġesù, lest li nagħmlu bla tgergir!” tgħid Daniella. “Jien u nġorr il-gazzetti weġġajt subgħajja, imma bl-imħabba ta' Alla jien kapaċi nagħmel kollox,” żiedet tgħid Janelle. Dan kollu huwa dejjem possibbli bl-ispirtu u l-għaqda tat-tim kollu, li bla dubju jieħu gost li jgħaddu dan il-ħin sabiħ flimkien.

Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin tfal f’sitwazzjonijiet simili t’hawn fuq jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Dan billi joffrilhom saqaf fuq rashom, ikel, ilma nadif, ħwejjeġ u edukazzjoni. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.


Gwida.mt