Mhux l-ewwel darba li l-ġenituri jaqtghu qalbhom milli jattendu l-quddies minħabba t-tfal żgħar tagħhom. Iżda l-Parroċċa Marija Reġina Marsa kitbet post fuq Facebook biex iħeġġu lill-ġenituri jattendu flimkien mat-tfal.
“Ejjew bit-tfal il-Knisja!” huma kitbu. “Tridu tkunu intom li tmantnuhom bil-Kelma t'Alla. Anke jekk jintefgħu fl-art, jagħtu ġirja għal ħdejn il-qassis, iridu jieklu jew jixorbu, jekk jibku jew jgħajtu...anke jekk issibuha iebsa...ejjew bit-tfal il-Knisja!”
“Ħalluhom jarawkom titolbu, tersqu għall-qrar u għat-tqarbin. Ħalluhom jarawkom li għandkom bżonn lil Alla f'ħajjitkom. Għaliex jekk ma jarawx u ma jitgħallmux dawn l-affarijiet mingħandkom, mingħand min ser jitgħallmuhom?”
“Id-dinja ser tgħidilhom li mhix prijorità, li mingħajr Alla tgħaddi. Id-dinja ser tbegħdhom, tħawwadhom u tgħidilhom illi tkun ‘tajjeb’ hu biżżejjed. Id-dinja mhix ser tkellimhom dwar Alla. Dak xogħlkom.”
“Aħjar l-għajjat u l-biki tagħhom mis-silenzju jtarrax ta' bankijiet u siġġijiet vojta.”
Facebook/Parroċċa Marija Reġina Marsa