Il-kantanta Domenique Azzopardi ssir omm għall-ewwel darba, tat-tarbija Emilia. Titkellem magħna dwar din l-esperjenza li minkejja t-tbatija li tgħaddi minnha, hi tant speċjali għal kull omm. Domenique tgħidilna li minkejja li l-ħajja ta' ġenitur mhijiex faċli. Domenique beħsiebha wkoll tkompli bil-karriera mużikali tagħha bl-għan li twassal il-messaġġ li l-fatt li ssir omm ma jfissirx li l-ħajja spiċċat u twarrab il-ħolm tiegħek, iżda li tadatta għas-sitwazzjoni li tkun fiha filwaqt li tkompli miexja fi triqtek.

Domenique, is-sena 2018 kienet waħda speċjali għalik għaliex sirt omm. X'kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek kif sirt taf li se ssir omm?

Meta kont żgħira, qatt ma kont nilgħab bil-pupi, iżda meta kbirt dejjem kelli x-xewqa li xi darba jkolli t-tfal. Minn dejjem kont naf li t-tfal jirrikjedu ħafna sagrifiċċji, ħin u għożża u għalhekk kont qed nistenna l-mument opportun, iżda l-affarijiet jiġru fl-iktar mumenti li ma nkunux qed nistennewhom. Kienet sorpriża kbira li ġabet magħha ħafna emozzjonijiet iżda xejn ma jiżboq u joqgħod ħdejn il-ferħ li ġabet magħha l-aħbar.

Kif tiddeskrivi l-mument li żammejt it-tarbija Emilia f'idejk għall-ewwel darba?

Il-ġurnata meta twieldet Emilia kienet l-aktar ġurnata diffiċli iżda l-isbaħ ġurnata ta' ħajti. Kull omm tgħaddi mit-tbatijiet tagħha u kull tqala hija differenti mill-oħra. Meta dħalna l-isptar u sirt naf li fi ftit sigħat oħra se nkun qed inħaddanha miegħi, ma stajtx nemmen kif dawn id-disa' xhur għaddew u se nidħol ġewwa fażi oħra, li uffiċjalment se nsir omm. Kien mument emozzjonali li tgħaddi minnu kull omm li tara jew li tiltaqa' għall-ewwel darba mat-tarbija tagħha wara dik l-istennija u l-preparazzjoni kollha. Għannaqtha miegħi u bistilha rasha u wegħdtha li se nkun dejjem hemm għaliha, jiġri x'jiġri fil-ħajja.

Bħala omm, x'sibt l-aktar ta' sfida s'issa?

L-akbar sfida li ġabet magħha din l-esperjenza hija l-ġirja ta' kuljum wara l-arloġġ. Wara ġurnata xogħol, l-għajja tagħmel tagħha iżda d-dmir li tkun ġenitur huwa 24 siegħa kuljum, seba' t'ijiem fil-gimgħa. Ġieli jiġu ljieli b'nuqqas ta' rqad u l-għada tkun trid tibda' l-ġurnata kmieni iżda kif għidt qabel, din hi esperjenza sabiħa ferm.

Mill-aspett personali, tħossok li nbdilt wara t-twelid ta' Emilia?

Minn dejjem kont tfajla matura, iżda din is-sena ħassejtni li sirt mara aktar milli tfajla ta' 23 sena. F'dawn id-disa' xhur, kelli nadatta għall-ħajja li kont qed nistenna kif ukoll inbiddel xi ftit ir-rutina ta' kuljum. Il-mentalità tinbidel kompletament hekk kif l-istint tal-omm jibda jsir aktar b’saħħtu ma' kull ġurnata li tgħaddi. Aċċettajt il-fatt, li issa m'għadnix waħdi, iżda għandi responsabbilta' għal għomri. Kemm responsabbilta' mill-att li hemm persuna tiddependi minni l-ħin kollu, kif ukoll bl-eżempji u l-imġieba tiegħi. Emozzjonalment ukoll inbdilt fejn dan l-aħħar qed nagħti aktar importanza lil affarijiet żgħar u sempliċi milli l-affarijiet materjali tal-ħajja li jiġu u jmorru.

X'ħadt mill-ħajja li tixtieq tgħaddih lit-tifla?

L-akbar tagħlima li ħadt mill-ħajja, hija li dejjem tibqa' saqajk mal-art u timxi u tagħmel kif tħoss qalbek għaliex inti biss responsabbli ta' l-azzjonijiet tiegħek u l-ebda persuna ma tafek kif taf lilek innifsek inti. Il-messaġġ li tibni l-identita' tiegħek, minkejja t-tlajja’ li fil-ħajja ssib u li tkun persuna soda u b'saħħitha. Messaġġ ieħor huwa li ma jimpurtax jekk taqa' fil-ħajja u li jekk taqa', tqum, titfarfar, titgħallem mill-iżbalji, u tkompli fit-triq tiegħek u li dejjem tikkuntenta bl-affarijiet sempliċi u li għandek fil-ħajja.

Domenique, għal xi żmien waqaft mix-xena mużikali. Kien hemm xi raġuni partikolari?

Nemmen li wara ċertu żmien fix-xena mużikali, kelli bżonn pawsa żgħira biex nirrifletti aktar min jien u niffoka fuq il-ħajja personali tiegħi. Nemmen li wara pawsa, persuna terġa' tirritorna lura aktar b'saħħitha minn qatt qabel, friska, b'maturità u b'ideat ġodda.

Fl-istess waqt li bdejt dan il-kapitlu ġdid tiegħek bħala omm, għamilt ukoll ir-ritorn tiegħek fix-xena mużikali. Għaliex ħassejt li għandek tagħmel ir-ritorn tiegħek proprju f'dan iż-żmien?

Nemmen li ma kinitx xi ħaġa speċjali jew differenti minn qatt qabel. Hawn ħafna nisa fid-dinja li jkomplu bil-karriera tagħhom meta jkunu qed jistennew tarbija diment li ma jkunx ta' strapazz fiżiku jew mentali. Xtaqt ukoll ngħaddi l-messaġġ li tista' tibqa' għaddejja fil-mixja li tkun miexja anke waqt sitwazzjonijiet differenti. Li persuna ssir omm, ma jfissirx li ħajtek spiccat jew li ma tistax tkompli dak li tkun bnejt jew ħlomt, iżda jfisser li ħajtek se tinbidel u trid tadatta għas-sitwazzjoni li tkun fiha.

Xi tfisser għalik il-mużika?

Il-mużika tesprimi l-emozzjonijiet li nkun qed inħoss. Meta nkun kuntenta, inkanta, meta nkun imdejqa nkanta fost l-emozzjonijiet oħra. Bil-mużika, nesprimi l-identità tiegħi.

Kif beħsiebek issib bilanċ bejn ir-rwol ta' omm u l-impenn tal-karriera mużikali tiegħek?

Nemmen li l-bilanċ jiġi waħdu maż-żmien u li jekk vera tkun tixtieq xi ħaġa, issib ħin għaliha. Nemmen ukoll li se nsir inħobb aktar il-mużika għaliex wara ċertu żmien, tiġi mxennqa minnha awtomatikament iżda t-tifla tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Inġenerali, x'kienet l-akbar sfida li rnexxilek tegħleb fil-ħajja tiegħek?

Kelli ħafna sfidi f'ħajti bħal kulħadd, iżda l-akbar sfida kienet l-isfida li nkun jien min jien, li nibni l-karattru tiegħi u li nibqa' soda minkejja kollox.

Hemm xi pjanijiet ġodda għall-futur qarib?

Għandi ħafna ħolm u pjanijiet, iżda bħalissa qed nieħu l-ħajja ġurnata b'ġurnata u nitla' t-taraġ waħda waħda.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Roberta Magri