Illum Animal Liberation Malta għamlet marċ ta' protesta biex jigu projbiti l-karozzini. Il-protesta bdiet mill-Mall il-Flurjana u baqet sejra sal-Pjazza ta’ Kastilja il-Belt bl-attivisti jkantaw “Din Mohqrija – Mhux tradizzjoni” u “You ride – they die”. Huma mxew u għaddew min hdejn żewġ postijiet fejn jieqfu il-karozzini, wieħed hdejn il-Funtana tat-Tritoni u ieħor hdejn il-Pjazza ta’ Kastilja. 

Fil-Pjazza ta’ Kastilja l-attivisti ffurmaw il-kelma BAN! fit-taraġ tal-Berġa ta’ Kastilja. Diversi turisti dehru li bdew jaqblu mal-messaġġ tal-protesta hekk kif kien hemm min inkoraġixxa l-attivisti.

“Animal Liberation Malta fil-prinċipju hija kontra l-karozzini, speċjalment peress li nemmnu li f’dinja kompletament motorizzata m’hemmx bżonn jew funzjoni għalihom. Il-karozzini llum iservu biss bħala attrazzjoni turistika,” huma qalu.

“Hemm mewga globali kontra l-karozzini b'aktar u aktar bliet madwar id-dinja jieħdu l-pass biex jipprojbixxu din il-prattika krudili. Ismijiet notevoli huma Montreal (Kanada), Barċellona, Praga, Melbourne, Chicago, Salt Lake City u Palma de Mallorca.”

 Animal Liberation Malta tissuġġerixxi li l-karozzini l-oħra kollha, anke dawj li jigbu il-mejtin għandhom ikunu pprojbiti peress li hemm alternattivi adegwati.


Bernard Xuereb