Richmond Foundation - Malta kitbu messaġġ b'saħħtu rigward dak li ġara, fejn anke xtaqtu jsellmu l-memorja ta' Nicholas Camilleri, ir-raġel u missier ta' 55 sena li nstab mejjet. 

Il-komunità tisħaq fuq l-importanza li l-vuċi ta' min qed ibati tinstema, u dwar il-fatt li hemm bżonn ta' iktar għarfien u attenzjoni dwar is-saħħa mentali. "Din hi l-pandemija li ħadd ma jitkellem dwarha - is-saħħa mentali dgħajfa tan-nies wara għadd kbir ta' sitwazzjonijiet stressanti fil-ħajja." 

Richmond Foundation ilha hemm għall-pubbliku għal snin twal, u kontinwament toffri l-għajnuna anke b'mod virtwali. "Aħna nappoġġjaw lin-nies tul il-vjaġġ ta’ ħajjithom biex nevitaw li xi ħaġa bħal din isseħħ, għax ħadd qatt m’għandu jitlef ħajtu minħabba li jġorr il-piż tal-mard mentali."

Tisħaq li fil-waqt li l-komunita ser tibqa' tkun hemm għal min qed ibati minn mard ta' saħħa mentali, jew diffikultajiet oħra relatati, hemm bżonn li l-pajjiż kollu bl-istituzzjonijiet u setturi b'kollox, jagħmlu l-parti tagħhom ukoll.

"Richmond se jkompli jiġġieled propju kontra din it-tip ta’ inġustizzja kif ilna nagħmlu għal kważi 30 sena. Se nkomplu nissieltu għal iżjed servizzi tas-saħħa mentali li jieħdu ħsieb, jagħtu valur lill-ħajja u jaraw lin-nies għal dak li huma, mhux biss il-mard li qed jiġġieldu miegħu."

Huma jagħlqu billi jsellmu l-memorja  ta' Nicholas. "Nittamaw li tistrieħ fis-sliem Nicholas. M'aħniex ser nistrieħu qabel niżguraw li dan qatt ma jerġa' jiġri."



Kyle Zarb