Ilbieraħ flgħaxija, il-kantanta Miriam Christine nediet album mużikali bl-isem ta' Dil-Mara. L-album fih disa' kanzunetti li tista' tgħid huma awtobijografiċi, fuq ir-rivista ta' din il-ġimgħa aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' Miriam Christine u magħna qasmet ukoll il-lirika tal-kanzunetta li qed iġorr it-titlu tal-album Dil-Mara.
Ritratt: Bernard Polidano
Frażi mir-ritornell li ġibiditilna l-attenzjoni kienet: "Dil-mara għad terġa' tħobb għax taf li ma tistax...". Il-mistoqsija ġiet weħidha kif innutajna din il-frażi, allura Miriam Christine bħalissa tinsab single?
"Iva… u ninsab fi-paċi. Il-ħajja m’hi faċli għal ħadd. Nippruvaw dejjem nagħmlu mill-aħjar li nistgħu, imma l-ħajja mhux se tidħilqna dejjem. Għalija l-importanti huwa li m’għandi l-ebda rimors u li ma nikkastigax il-futur tiegħi minħabba l-passat li għaddejt minnu."
Miriam tkompli tgħidilna: "Jien dejjem tajt il-mija fil-mija tiegħi kemm fiż-żwieġ u anke fl-unika relazzjoni li kelli. Imma fit-tnejn li huma ma kienx biżżejjed. Issa kulma rrid huwa li nkun omm u bint tajba kemm jista’ jkun, u li naħdem bis-sħiħ biex intejjeb il-karriera tiegħi fil-mużika. Jekk xi darba fil-futur jiġi ċans ieħhor, nilqgħu b’idejja miftuħa. Imma bħalissa kuntenta kif jien."
Ritratt: Facebook / JTM Photography
Aħna nawguraw lil Miriam f'dak kollu li twettaq f'ħajjitha. Qed nieħdu gost li tinsab lura fix-xena mużikali u qed nisimgħu u nitpaxxew bil-mużika tagħha. Il-kanzunetta Mill-Għatba 'L Ġew hija s-silta mużikali li għażlet li tniedi bil-filmat minn dan l-album.
Aħna staqsejnieha dwar il-ħsieb fuqha: "Ħadd ma jinsab fil-but ta’ ħadd. Imma allura kif xorta nsibu lok biex niġġudikaw, nissindikaw, nippuntaw subgħajna?… Forsi għax dak huwa l-uniku mod li fadlilna biex inħossuna aħjar. Nimlew ħajjitna bl-istejjer u bit-traġedji ta’ ħaddiehor għax dak huwa l-iskop tal-eżistenza tagħna meta niftħu għajnejna kull filgħodu."
"Nitkaħħlu mal-mowbajl u mal-kompjuter biex naħarbu mir-realtà medjokri li hemm tistenniena. Imma fil-verità, aħna ma nafu xejn fuq ir-realtà ta’ ħaddieħor mill-għatba ’l ġew. Ma nafu xejn fuq il-veritajiet li ħaddieħhor jaħdem tant biex iżomm mistura." - Tkompli żżid l-artista lokali.
"Mill-għatba ’l ġew ta’ ħaddieħor, m’hi qatt affari tagħna. Mill-għatba ’l ġew, kulħadd għandu d-dritt għas-silenzju tiegħu. Mill-għatba ’l ġew, fil-verità, ma nafu xejn. Ammen." Jkollna ngħidu li naqblu magħha ferm... kultant dak li jkun ikun lest li jiġġudika bla ma jkun jaf x'hemm għaddej.
Bernard Polidano