Kylie Ann, isem li ċertament ħa tisimgħu ħafna u ħafna dwar fil-futur. Il-kantanta żagħżugħa diġà qed tħalli l-marka tagħha fix-xena lokali. Ħmistax ilu, il-kantanta rebħet is-sezzjoni tagħha fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Jien Naf, miktuba minn Mark Spiteri Lucas u Rita Pace.

Kanzunetta li titkellem dwar l-awtiżmu. Din id-darba tirritorna b'kanzunetta bl-istess suġġett, iżda bl-Ingliż sabiex il-messaġġ tal-kanzunetta jkun jista' jasal aktar u jkun jista' jinfirex anke fuq skala internazzjonali. Kif ħa tkunu tistgħu taraw, Diego tal-blogg I am Diego hu parti minn dan il-music video ukoll!

Aħna tkellimna ma' Sefora, omm Diego li tmexxi l-blogg popolari I am Diego fejn qaltilna li: "L-esperjenza kienet waħda sabiħa ħafna għaliex kienet xi ħaġa ġdida għalina. It-tim wara l-video għamilna nħossuna komdi ħafna u mxew ħafna mal-bżonnijiet tat-tifel."

Sefora temmet tgħid li: "Il-video huwa miġbud b'mod naturali ħafna u Diego ħa pjacir immens speċjalment fil-parti fejn beda jilgħab bl-ilma." Permezz ta' dan il-filmat it-tim jixtieq iwassal aktar u aktar għarfien dwar l-awtiżmu.

Li jkollok qalbek pura u li tkun sensittiv ma fiha xejn, sempliċiment trid tadatta u tidra tgħix f'dinja ta' konfużjoni. Mhix diżablità imma hi abiltà differenti! Il-kanzunetta You Are Not Alone għandha kliem u mużika ta' DJ Toby li ħadem bis-sħiħ fuq il-messaġġ permezz ta' din il-kanzunetta.

F'isem Gwida.mt nawguraw lil Kylie Ann Cassar għal aktar suċċessi fil-karriera mużikali tagħha. Sabiħ li tuża l-mużika u l-kanzunetti oriġinali biex twassal messaġġ fil-ħajja. Faċilment tista' teduka lil dak li jkun b'sempliċiment kanzunetta. 

Facebook / Kylie Ann Cassar


Emil Calleja Bayliss