Żewġ kantanti li żgur m'għandhomx bżonn ta' introduzzjoni huma Destiny u Nicole Frendo. Destiny saħħritna kemm-il darba bil-vuċi tagħha u rajnieha tirbaħ il-Junior Eurovision tal-2015 u wkoll kienet l-ewwel Maltija fuq Britain's Got Talent fejn impressjonat anke lil Simon Cowell!
Ritratt: Instagram / Destiny Chukunyere
Nicole Frendo mill-banda l-oħra splodiet fix-xena lokali grazzi għall-ewwel edizzjoni ta' X Factor Malta fejn spiċċat fit-tielet post u impressjonat tant u tant nies bil-vuċi matura tagħha u l-mod ta' kif interpretat kull kanzunetta ġimgħa wara ġimgħa!
Ritratt: Facebook / Nicole Frendo
Illum jaħbat għeluq snin xi ħadd speċjali ħafna kemm għal Destiny u kemm għal Nicole. Illum għeluq snin l-għalliema tal-kant tagħhom Maria Abdilla! Aħna bħala sorpriża tlabna lil dawn it-tnejn jgħaddulna Destiny għaddietilna filmat ħelu, li tistgħu taraw hawnhekk
Nicole mill-banda l-oħra għadditilna messaġġ ħelu bil-miktub lil Maria. Barra li għaddiet l-awgurju tagħha Nicole qaltilna: "Għaddew kważi 7 snin mill-ewwel lezzjoni vokali tiegħi ma' Maria, kont tant nervuża u mistħija. Madankollu, kważi 7 snin wara, mhux biss inqisha bħala l-kowċ vokali tiegħi, iżda ħabiba ta' veru. Hi tħares lejja u tieħu interess f’dak kollu li nagħmel waqt li tagħti l-ikbar appoġġ tagħha."
Ritratt: Facebook / Maria Abdilla
"Jien tant grata u għandi lil xi ħadd bħala jiggwidani matul il-karriera tal-kant tiegħi u ma nibdilha ma ħadd! Kienet l-unika persuna li emmnet fija ta' 10 snin u rat potenzjal li lanqas jien ma kont nara. Hija mbuttatni biex naħdem u nistinka, li kieku ma kienx għaliha, ma nkunx qiegħda fejn jien illum. Hi vera ġawhra!"
Ritratt: Facebook / Maria Abdilla
Minn dan il-kliem tistgħu taraw ċar kristall kemm tfisser Maria għall-istudenti tagħha. Ċertament li japprezzaw ix-xogħol li tagħmel magħhom! Il-ħin kollu li tiddedika sabiex tara l-istudenti tagħha jirnexxu hu wieħed li jiġi verament apprezzat! Mhux ta' b'xejn dawn it-tnejn kellhom żewġ messaġġi mill-qalb lejha!
Ritratt: Facebook / Maria Abdilla
Żewġ studenti ta' Maria Abdilla li lkoll tafu huma Franklin Calleja u Ela Mangion imma ċerti li hemm oħrajn li smajtu bihom u li għad tisimgħu bihom fil-futur. L-istudenti tagħha ta' spiss ikunu qed jikkompetu fil-kompetizzjonijiet ewlenin f'pajjiżna u tista' tgħid ħafna drabi joħorġu bl-għola unuri!
Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Maria l-isbaħ xewqat f'dan il-jum speċjali għaliha!