Kull membru tal-midja akkreditat mill-EBU għandu ċ-ċans li jivvota għall-favoriti tiegħu u jiddeċiedu liema huma l-aktar għaxar kanzunetti li għandhom jikkwalifikaw għall-finali. Ilbieraħ ġie mħabbar li Malta tinsab fl-ewwel post mill-ewwel semi-finali mal-ġurnalisti.

Il-votazzjoni ilha li fetħet mill-Ħadd li għadda u tibqa' tiġi aġġornata aktar ma' gurnalisti minn madwar id-dinja jivvutaw. Din is-sena hemm żewġ tipi ta' ġurnalisti, dawk li qed isegwu minn Rotterdam u dawk li qed isegwu minn ġo djarhom permezz tat-teknoloġija.

Bħalissa għaddejjin żewġ votazzjonijiet mal-ġurnalisti, waħda mal-OGAE Online Press Vote u l-oħra li qed jieħdu ħsiebha s-sit escXtra. It-taqtigħa mal-ġurnalisti tidher li qiegħda bejn Malta u Ċipru biex jirbħu s-semi-finali!

Għalkemm dan ir-riżultat ma jfisser xejn, żgur li jawgura tajjeb għal Destiny u t-tim kollu Malti li jinsab f'Rotterdam. Dan għaliex il-wirja Maltija qed tintlaqa' u tinżel tajjeb mal-ġurnalisti barranin. Il-vuċi ta' Destiny tibqa' timpressjona u diversi rapporti mill-midja internazzjonali qalu li wara l-wirja stupenda tal-bieraħ, ma jkunu sorpriżi xejn li kieku Destiny rebħet il-vot tal-ġurija.

Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawgurawlha l-isbaħ xewqat għall-wirja tal-lejla. Nittamaw li kollox imur kif tixtieq u tagħti l-aqwa wirja tagħha. Malta warajk!


Emil Calleja Bayliss