Lil Antonella Vassallo għar-raba' sena konsekuttiva qed narawha bil-programm Għaddi S'Hawn, iżda mhux biss, għax għandha żewġ programmi oħra involuti fihom. Il-ġimgħa l-oħra rajna l-bidu tal-programm Ilejla Llejla, programm ieħor bi preżentaazzjoni ta' Antonella. 

Il-paġna tagħna ta' Gwida.mt tkellmet ma' Antonella dwar l-idea għall-programm Illejla Llejla, fost l-oħrajn. Tgħidilna li l-idea ta' programm ta' dan it-tip ilha madwar 8 snin, għalkemm kien hemm dawk id-dubji.

"Dejjem kien hemm dik il-biża', għax li tintervista lil xi ħadd fuq is-sodda hi xi ħaġa intima, diskreta. Fis-sodda tista' tieħu kafè, tista' taqra, tista' tparla ma' ta' maġenbek," tgħidilna Antonella. Għall-ewwel tgħidilna li kellha ħsieb li ssemmih Fis-Sodda Ma' Antonella, iżda flimkien mat-tim qablet li jkun titlu tajjeb, Illejla Llejla.

Antonella tispjegalna kif is-simbolu tas-sodda jirrappreżenta kif ċerti affarijiet ma tgħidhomx f'postijiet oħra, iżda tgħidhom iktar waqt diskursata. Bħala kunċett ħafna semmew li forsi diġà intuża, iżda Illejla Llejla xorta waħda għandu dik it-"twist" li tagħmlu dak li hu.

"Kull ħaġa li hawn dejjem ħa jkun hemm xi ħaġa simili tagħha," tkompli Antonella. Rigward il-ħsieb li jinħoloq Illejla Llejla Antonella żżid, "Ġietni idea li naqbad ma' xi erbgħa li jkunu mqarbin u jafu jieħdu ċajta, u jafu jgħixu l-ħajja. Hu daqsxejn programm b'differenza."

Antonella tgħid, "Ridt li dak li jkun li qed jarah, jirrilassa, mingħajr ma joqgħod jaħseb għaliex u fejn u x'fatta. Għandna bżonn li t-televixin ikun aktar mezz ta' spettaklu." Antonella ssemmi kif it-televiżjoni għandu jkun pjattaforma li b'xi mod jew ieħor jolqot lil kulħadd.

Kif tafu l-programm Illejla Llejla qed jixxandar tard bil-lejl. Staqsejna lil Antonella dwar x'kienet ir-raġuni li l-programm qed jixxandar f'dawk il-ħinijiet. Il-preżentatriċi tgħidilna li Illejla Llejla jixxandar tard għax, "huwa programm ta' filgħaxija li fih forsi jkun hemm ċerti ċajt."

Antonella ssemmi wkoll kif hemm tendenza li programm bħal Illejla Llejla, ċerti nies jarawh lil'hinn min-norma. Mhux it-tip ta' spettaklu li jistennew li ħa jsegwu. Madanakollu, mir-rispons li kellha s'issa, kien hemm ħafna għoġobhom il-kunċett, u anke l-ewwel mistieden (JD). "Nemmen li n-nies skont il-mistieden," iżżid Antonella.

Aħna kellna daqsxejn kurżità anke dwar x'mistiedna għandna nistennew li naraw fuq is-sodda ta' Illejla Llejla. "Ħa jkun hemm nisa, rġiel, anzjani, żgħażagħ. taħlita sabiħa," tispjegalna Antonella. 

Il-preżentatriċi tgħidilna li għandna nistennew taħlita ta' personalitajiet minn oqsma differenti tal-ħajja. It-tip ta' intervisti jew il-mod ta' preżentazzjoni huwa differenti f'kull programm, għax jiddependi l-xi jkunu qed ifittxu fil-mistoqsijiet li Antonella ser tagħmel lill-mistiedna.

Antonella tkellimna anke dwar il-fatt kif hi tinsab involuta fi tliet programm differenti, Għaddi S’Hawn, Tisfidani u Illejla Llejla. Antonella tgħidilna li ssoltu tapplika b'programm wieħed jew tnejn, iżda din l-iskeda kellha t-tir li tagħti programmi li jolqtu gosti diversi.

"Din id-darba għidt ħa naħdem affarijiet differenti - kelli anke Kilo Challenge li xtaqt nerġa' nagħmel jiena," tkompli Antonella. Tħoss li kemm Għaddi s'Hawn, kemm Tisfidani kif ukoll Illejla Llejla, t-tlieta għandhom riċetta tajba bil-mod tagħhom.

Antonella tgħidilna li anke f'Tisfidani, qed tara li hemm udjenza li qed tipparteċipa wkoll, u tidħol għal sfidi differenti. Meta tħares 'il quddiem tarah ingredjent li ser ikompli jaħdem, il-fatt li nies mill-udjenza t'hemm barra jipparteċipaw u jikkompetu fil-programmi televiżivi.

Nawguraw minn qalbna kull suċċess lil Antonella!

Facebook/ Illejla Llejla


Gwida.mt