Ilbieraħ seħħet il-protesta tant meħtieġa minn Moviment Graffiti sabiex Kemmuna terġa ssir ta’ kulħadd u mhux tibqa’ taħt il-ħakma tal-operaturi tad-deckchairs u umbrelel. Iżda l-attivisti lbieraħ sabu kull tip ta’ xkiel waqt il-protesta.
Minbarra li huma ġew imwiegħda mill-pulizija li mhux se jkun hemm deckchairs u umbrelel imtellgħin u sabu saħansitra aktar mis-soltu, sabu wkoll xkiel mill-operaturi. B’hekk kien hemm xi tensjoni waqt il-protesta tal-bieraħ u Moviment Graffiti ċċaraw x’ġara.
“Dawk li qed taraw fir-ritratt mhumiex laned taż-żibel fil-bajja tal-Blue Lagoon. Dawk huma kontenituri bix-xorb kiesaħ li l-operaturi tad-deckhairs kienu qed jagħtu b’xejn lin-nies li ġabu magħhom biex ifixklu l-protesta tal-bieraħ.”
“Għadha kemm waslitilna informazzjoni li s-Sibt fis-7am telaq bil-moħbi miż-Żewwieqa, l-Imġarr Għawdex, dinghy ta’ Joseph Portelli bi tletin raġel. L-intenzjoni kienet li jinqdew bihom sabiex joqogħdu fuq id-deckchairs minn kmieni filgħodu u ma jħallux il-protesta ssir. Joseph Portelli huwa s-sieħeb fin-negozju ta’ Daniel Refalo, wieħed miż-żewġ operaturi tad-deckchairs fil-Blue Lagoon.”
“Aħna nistgħu nikkonfermaw li dawn waslu Kemmuna u kienu ser jibdew jokkupaw l-ispazju kollu qabel tibda l-protesta. Iżda l-pulizija ordnawlhom jitilqu ‘l hemm. Uħud minnhom xorta waħda baqgħu l-Blue Lagoon u bdew jippruvaw ifixklu l-protesta billi jitfgħu mużika tgħajjat waqt id-diskorsi. Wieħed minnhom anki fiżikament ħebb għal wieħed mill-attivisti. Waqt li konna hemm stajna naraw l-operaturi tad-deckchairs joffrulhom ikel u xorb b’xejn matul il-ġurnata kollha.”
“Iżda lilna l-bullies ma jbeżżgħuniex. Il-ġlieda tkompli.”
Facebook/Moviment Graffiti