Fl-iskeda li għaddiet lil Davide Tucci rajnieh f’xejn inqas minn tlett sensiliet fuq it-televiżjoni, Miraklu, Division 7 u L-Għarus. Rajnieh ukoll fiċ-ċinema fil-film Limestone Cowboy, fejn jinterpreta l-parti ta’ John Camilleri, bin Karist li jiddeċiedi li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Nitkixxfu dwar dak li kien għaddej wara l-kwinti.

Davide, fl-aħħar ġimgħat rajniek fiċ-ċinema permezz tal-film Limestone Cowboy. Meta ġejt avviċinat għal dan il-film, x’laqtek l-aktar minn din l-istorja?

Meta attur jagħmel audition għal karattru huma ftit id-drabi fejn wieħed ikun jista’ jkollu idea ċara ta’ dak li ser ikun dieħel għalih. Il-proċess jista’ jkun wieħed twil u tista’ tgħid li ġieli għal dan il-proċess jintuża skript li ħafna drabi jkollu ftit jew xejn x’jaqsam ma’ dak li finalment huwa l-iskript finali li naħdmu bih fuq is-set.

View this post on Instagram

A post shared by Davide Tucci (@davidetucci) on

Niftakar li sal-mument li ġejt infurmat minn Carlos Debattista u Abigail Mallia fuq l-interess tagħhom li jaħdmu miegħi fuq Limestone Cowboy fil-ħwejjeġ ta’ John Camilleri kelli biss idea vera żgħira ta’ fuq xiex tittratta l-istorja ta’ Limestone Cowboy. Kien biss wara li qrajt l-iskript sħiħ li rnexxieli nifhem l-intenzjoni u d-direzzjoni li xtaqu jieħdu permezz ta’ dan il-proġett.

Mingħajr ma nikxef xejn, li ġibidni ħafna lejn il-karattru ta’ John kienu il-kumplessitajiet u l-konflitti kollha li dan il-karattru għadda minnhom f’żgħożitu u li għadu jgħaddi minnhom sal-lum il-ġurnata. Huwa ddeċieda li jaqdef, li jitgħatta b’maskra u joħloq John differenti minn missieru (Paul Portelli), ’il bogħod kemm jista’ mill-ħajja li trabba fiha ma’ missieru u ommu (Irene Christ) biex ikun jista’ jagħti ħajja aħjar lilu u lil ibnu Adam. Huwa għażel li jagħlaq il-bibien u jipprova jinsa l-affarijiet li ma jaqbilx magħhom u li jweġġgħuh, minflok jiffaċċajhom.

View this post on Instagram

A post shared by Davide Tucci (@davidetucci) on

Int wkoll associate producer fuq dan il-film. X’jinvolvi dan ix-xogħol?

It-termini associate producer huwa terminu li jintuża ħafna fid-dinja tal-films u li ħafna drabi jista’ jfisser ħafna affarijiet. Ifisser li b’xi mod din il-persuna ikkontribwixxiet f’xi aspetti oħrajn fil-produzzjoni ta’ dan il-film – finanzjarjament, b’set ta’ għerf, għodda jew servizzi li ġew offruti għall-kontribut ta’ produzzjoni.

Fil-kas tiegħi, peress li emmint ħafna fil-proġett u ħassejt li stajt nagħti kontribut ikbar wara li xogħli ta’ attur kien wasal fit-tmiem - offrejt l-esperjenza li għandi fil-qasam tal-marketing u disinn ġrafiku li rabbejt tul is-snin li ħdimt f’dan il-qasam qabel fid-dinja tal-films u t-teatru ħaduli ħajti, biex ngħin il-produzzjoni fuq dawn l-aspetti, fost affarjiet oħra.

Tul dawn l-aħħar snin rajniek kemm fuq il-palk, televiżjoni u anki fiċ-ċinema. Liema tqis li huma l-iktar esperjenzi memorabbli fil-karriera tiegħek?

Din hija mistoqsija li personalment insibha dejjem diffiċli biex inwieġeb. Huwa diffiċli għalija illi ngħid li wħud mix-xogħlijiet li għamilt huma aħjar minn oħrajn jew li huma iktar memorabbli – għax m’hemm l-ebda proġett li ħdimt fuqu li ma għenix nifhem xi ħaġa iktar dwari, jew dwar xogħli, jew għeni nikber b’xi mod jew ieħor. Meta nimxi minn proġett għall-ieħor, id-Davide Tucci li jkun wasal fil-bidu tal-proċess ma jkun qatt l-istess Davide Tucci li jitlaq meta jispiċċa dan l-istess proċess.

View this post on Instagram

A post shared by Davide Tucci (@davidetucci) on

F’dawn l-aħħar xhur rajnik għaddej fuq tliet sensiliet televiżivi: L-Għarusa, Division 7 u Il-Miraklu ta’ Ħal Saflieni. Meta tiġi avviċinat għal xi parti, xi jkun dak l-element li tfittex fil-karattru li tkun se tinterpreta?

M’hemmx element wieħed speċifiku, hemm ħafna affarjiet li jikkontribwixxu għall-għażla. L-ewwel mistoqsija li nsaqsi lili nnifsi hija “Jien kapaċi nagħti kollox għal dan il-karattru?” Jekk iva mela jkun hemm bidu sod. Għalija l-kwalità ta’ xogħli importanti ħafna u ma nħobbx nitfa’ lili nnifsi f’sitwazzjoni fejn ma nistax nagħmel ix-xogħol kollu ta’ preparamenti meħtieġa għall-karattru minħabba l-fatt li għandi wisq fuq idejja.

View this post on Instagram

A post shared by Davide Tucci (@davidetucci) on

Lura għall-film Limestone Cowboy, kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mal-kumplament tal-kast ta’ dan il-film?

Kienet relazzjoni li kellna opportunità nrabbu maż-żmien għax b’differenza minn proġetti oħrajn ta’ film fejn ġeneralment jiġi mibgħut l-iskript, studjat u l-maġġorparti tax-xogħol isir fuq is-set, fejn tkun marbut ħafna bil-ħin – għal-Limestone Cowboy kellna opportunità naħdmu fuq il-karattri tagħna mad-direttriċi Abigail u l-atturi l-oħrajn waqt set ta’ rehearsals li għamlu differenza kbira għall-ammont ta’ affarjiet żgħar li stajna nżidu biex nkunu nistgħu noħolqu karattri iktar reali, inżidu iktar ‘saffi’, nifhmu kif jaħsbu l-karattri tagħna u għalfejn jieħdu id-deċiżjonijiet li jieħdu fil-film.

View this post on Instagram

A post shared by Davide Tucci (@davidetucci) on

Waqt il-ġbid ta’ Limestone Cowboy kien hemm xi mumenti ħelwin li tista’ taqsam magħna?

Mument wieħed li baqa’ f’moħħi huwa l-ewwel ġurnata li beda jinġibed il-film, il-Furjana fi Triq l-Iljun fejn l-għorriefa tal-produzzjoni ddeċidew li jiftħu l-filming b’waħda mill-iktar xeni kumplikati fit-tlieta ta’ filgħodu mill-ħames sular u twaqqaf krejn f’nofs it-triq – u taf int, il-problemi jinqalgħu meta l-inqas tkun tridhom. U nieqaf hawnhekk għalissa.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @davidetucci


Frederick Zammit