Danusan iħabbru li ħa jkunu qed itellgħu produzzjoni għall-Halloween, avveniment li rabba’ l-għeruq sew f’pajjizna. Din il-produzzjoni, The Spooky Fort, se tittella’ ġewwa l-Forti Delimara. Jaf tiddarrsu kif taqraw il-kelma Spooky, speċjalment jekk titkexkxu kif tissemma’ xi ħaġa marbuta mal-biża’, però m’hemmx għalfejn tinkwetaw, għax milli jidher din mhix attività tat-twerwir!

Se jkun hemm attrazzjonijiet u tiżjin relatati mal-Halloween iżda bi ħsieb li s-serata tolqot lill-familja kollha, inkluż it-tfal. Danusan se jkunu qegħdin joffru programm sħiħ minn xħin tirfes l-għatba tal-forti sa ma toħrog! Il-programm jinkludi 30 minuta mixja li ħa tkun f’forma ta’ kaċċa għall-mostri, sħaħar u fatati. L-udjenza se tingħata torċ u se jfittxu waqt li jimxu fil-forti.

Tajjeb ngħidu li l-animaturi ħa jġibu ruħhom skont l-età tal-grupp li jidħol; jekk il-grupp ikun matur, dawn jafu jaħsduk waħda ħafifa, imma jekk ikun hemm it-tfal, ikunu iktar dħulin. Ħa jkun hemm ukoll installazzjoni ta’ dawl bl-isem ta’ The Haunted Metro Station. L-udjenza ħa jkollha ċ-ċans li ssir taf iktar fuq l-istorja tal-Forti Delimara, grazzi għal tour organizzat minn Heritage Malta.

F’serata ta’ din ix-xorta ma tonqosx attrazzjoni minn Danusan! Ser jittella' spettaklu ieħor ta’ tletin minuta bl-isem ta’ Vinny in the Army Now! Bla dubju, il-protagonist se jkun il-karattru simpatiku, familjari u tant maħbub, il-Vinny. Dawn l-attivitajiet kollha, flimkien ma’ servizz ta’ park and ride, se jkunu inklużi fil-prezz.

Danusan qed jagħtu skont ta’ €5 fuq tranżazzjonijiet li jinkludu almenu adult u tifel jew tifla għall-ewwel mitt persuna li jdaħħlu l-kodiċi GWIDA huma u jibbukkjaw. Biex tiksbu biljett, idħlu fuq il-website HAWN u segwu l-istruzzjonijiet. Ejjew u gawdu din l-esperjenza unika għall-Halloween mal-familja kollha. Tinsewx, ħadd ma jeħtieġ test tal-PCR biex jidħol, lanqas it-tfal! Int ġej biex issib xi mostru?

er


Kyle Zarb