Damian Buhagiar, il-Malti li jinsab ġewwa Londra jgħix il-ħolma ta' dawk li għandhom għal qalbhom id-dinja tal-ispettaklu u l-musicals. Aħna kellna ċ-ċans nibgħatu ftit mistqosijiet lil Damian biex niskopru aktar dwar dak kollu li qed jagħmel u dak li għamel biex wasal s'hawn. Bir-risposti ta' Damian ħa tieħdu idea ċara ta' dan u aktar.
Damian, fil-West End int kont involut f’wieħed mill-aktar musicals popolari li ilu għaddej għal għoxrin sena, il-musical Mamma Mia. Tispjegalna daqsxejn kif sibt ruħek f’waħda mill-partijiet ewlenin ta’ dan il-musical.
Minn età żgħira, dejjem kont enerġetiku, vibranti u l-ħin kollu naqbeż u nogħla allura nista’ ngħid li l-irwol ta’ Pepper f’dawn l-aħħar sentejn kien verament wieħed li joqgħodli. Mit-tielet sena tiegħi waqt li qed nistudja, dan l-irwol kien wieħed li dejjem xtaqt nagħmel u wara tliet snin ta’ ħidma intensiva, persistenza u numru ta’ auditions irnexxieli nieħu dan l-irwol.
Mill-parti ta’ Pepper f’Mamma Mia għal parti ta’ Sonny fil-musical Grease li ħa jkun qed idur madwar ir-Renju Unit. Xi sfidi ġodda jġib miegħu dan l-irwol? Hemm xi pjanijiet oħra għall-futur qarib?
Għalkemm l-irwol ta’ Pepper hu wieħed li tieħu gost tagħmel għax għandu ċertu enerġija dwaru, jirrekjedi ħafna dixxiplina. Hu rwol li importanti ferm li żżomm ruħek fit u b’saħħtek, l-aktar ħaġa importanti hi li trid dejjem tisma’ lil ġismek.
Huwa ta’ unur li issa dħalt fil-karattru ta’ Sonny fil-musical Grease għax tani l-opportunità li niffoka fuq xi ħaġa differenti u grazzi għalih inżomm l-eċitament ħaj. Mammia hu għandu l-elementi tas-snin 80, b’elementi ritmiċi u kwalitajiet preċiżi filwaqt li Grease għandu l-elementi tas-snin 60, b’movimenti friski u tal-jive, b’ritmu aktar mgħaġġel.
Nista’ ngħid li jirrekjedu ħafna enerġija, stamina u attenzjoni. Nużaha bħala form ta’ cardio, dan jgħinni inpoġġi moħħi hemm kemm mill-att fiżiku u anke mentali. Dan kollu biex nipprepara wkoll għal dak li għandi ġej wara Grease.
Għalkemm ħafna forsi jaħsbu li kollox ward u żahar. Ċert li biex wasalt s’hawn, kien hemm ħafna xogħol u sagrifiċċju. X’kien li għenek tibqa’ għaddej? Kont temmen li xi darba għad tasal sal-West End u li ddur ir-Renju Unit tagħmel dak li tħobb?
Kollox għandu t-tlajja u nżul fil-ħajja imma kif jgħidu l-Ingliżi “when there’s a will, there’s a way round everything.” Ma hemmx punt li taqta qalbek fuq xi ħaġa li wieħed iħobb jagħmel. Meta ġejt l-Ingilterra ta’ 15-il sena biex nistudja fi Tring Park School For Performing Arts, inkun qed nigdeb li ngħid li kollox kien perfett.
Li nadatta għall-kultura kienet sfida kbira u anke l-fatt li kont nimmisja d-dar imma kont għamilt patt miegħi nnifsi li ninsab hawn biex nagħmel suċċess u b’dak it-tir f’moħħi bqajt niġġieled l-ostakli. Li nkun fil-West End jew indur madwar ir-Renju Unit ma kinitx xi ħaġa li qatt immaġinajt li nagħmel sakemm dħalt f’din ix-xena.
Imma l-vjaġġ hu wieħed interessanti għax nitgħallem aktar dwar il-pajjiż, ix-xogħol u n-nies li jkolli ċans naħdem magħhom li għandhom l-istess passjoni tiegħi. Sabiex tasal s’hemm, hemm numru ta’ auditions li jsiru u dawn taf idumu xahar sħiħ.
Meta tkun f’kamra mimlija atturi, żeffiena u artisti mhi faċli xejn. Mhux l-ewwel darba li jkollok risposti negattivi minħabba tul, kostumi, dehra, abilità etċ... Imma dejjem tieħu tagħlima u timxi ’l quddiem. Ħadd mhu perfett, aktar ma tieħu minn lezzjonijiet u teknika aħjar.
Forsi l-Maltin jiftakru fis-sensiela DREAMS li kienet tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali. X’memorji għandek minn din is-sensiela? Tħoss li dak li għamilt fuq skala nazzjonali f’Malta għenek u saħħaħ l-imħabba tiegħek lejn id-dinja tal-ispetakklu?
DREAMS għandu memorja speċjali f’qalbi għax kien l-ewwel darba li kellu rwol tajjeb fuq it-televiżjoni lokali u kelli ċ-ċans naħdem ma tant nies, u nistqarr li uħud minnhom għadhom f’qalbi. L-irwol ta’ Philip Roger Tringanza The Third, żied fija l-passjoni li nagħmel irwoli tad-daħk u ninvesti aktar ħin nesplora l-karattru fid-dettal.
L-iktar ħaġa speċjali fi DREAMS kienet li nara l-membri tal-kast u l-krew jieħdu gost u dik hi xi ħaġa li għadni nfittex sa llum il-ġurnata. Tajjeb li tmur għax-xogħol taf li tista’ tidħak u tmexxi. Ix-xogħol m’għandux ikun ta’ dwejjaq.
Minn fejn beda kollox? X’kien dak li ikkonvinċik titlaq lejn Londra? X’għamilt fl-ewwel snin tiegħek f’Londra?
Kollox beda minn Stagecoach fejn għamilt ħdax-il sena nitgħallem. Meta l-għalliema tal-kant tiegħi, Denise Mulholland issuġġeriet li napplika għal barrra, ftit kont naf fiex tikkonsisti imma ma qtajtx qalbi u provajt.
Meta mort l-Ingilterra kont għamilt l-eżamijiet tal-livell avvanzat u komplejt nibni t-teknika u nitgħallem aktar il-vokabolarju tal-industrija. Minn hemm għamilt audition oħra biex inkabbar il-ħiliet tiegħu, wara tliet snin nista’ ngħid li kelli ċ-ċans li niltaqa’ ma’ nies professjonali fl-industrija li gwidawni fid-direzzjoni t-tajba.
Għal dawk kemmxejn kurjużi bħali, fiex tikkonsisti ġurnata tipika tiegħek? Kif tqassam il-ħin? Jirnexxielek tlaħħaq ma’ kollox?
L-isbaħ ħaġa dwar din id-dinja hi li jkollok filgħodijiet liberi u trid tidħol għax-xogħol tard wara nofsinhar, sakemm ma jkollokx xi show wara nofsinhar, f’dak il-każ tibda f’nofs il-ġurnata. Filgħodu nħobb immur il-gym, nistqarr li jien kemxejn iffisat, inħobb id-dixxiplina, inħobb inżomm il-livell ta’ fitness tiegħi għoli, niekol bnin u nagħmel l-eżerċizzju regolari.
F’ġurnata normali, nibda bil-kolazzjon imbagħad immur il-gym, immur għax xi klassi tal-fitness, għawma tajba imbagħad nibda nipprepara l-ikel. Għandi passjoni għal karozzi wkoll u nħobb insib ħin għall-arti. Tgħini niffoka fuq affarijiet differenti u ninsa ftit mix-xogħol, naħseb din l-aqwa terapija.
Minn kif wieħed jista’ jara fuq il-profil ta’ instagram tiegħek, l-eżerċizzju fiżiku hu parti mir-rutina tiegħek. Kemm temmen li hu importanti li wieħed iżomm ruħu attiv, speċjalment fix-xena tal-ispettaklu?
Naħseb mhux fix-xena tal-musical theatre biss imma kemm fix-xena tal-isport u fix-xena tal-ispetakklu inġenerali. Tiġi ġġudikat minn ġurnata għall-oħra u meta jkollok audition, id-dehra tiegħek tagħmel differenza kbira. Diretturi, korjografi u produtturi jfittxu lil dawk li kapaċi jimbuttaw lilhom infushom u jkunu b’saħħithom biex jagħmlu tmien jew disa’ xows fil-ġimgħa għal sena sħiħa.
Il bogħod mill-musical Mamma Mia u Grease, kont involut fi produzzjonijiet oħra kbar ġewwa Londra? X’tip ta’ produzzjonijiet ħadt sehem fihom?
Nista’ ngħid li jien grat li bdejt il-karriera tiegħi fix-xow In The Heights fl-irwol ta’ Sonny ġewwa Southwark Playhouse li aktar tard mexa ġewwa Kings Corss Theatre. Kelli l-irwol ta’ Joe Pesci u kont 2nd cover għal Franki f’Jersey Boys. Ching Ho fil-musical Thoroughly Modern Millies, Bugsy Malone u sentejn fil-parti ta’ Pepper f’Mamma Mia, fejn kelli l-privileġġ li niċċelebra l-20 Anniversarju ta’ dan il-musical.
L-imħabba tiegħek lejn din ix-xena hija evidenti. Ikollok tagħżel irwol partikolari fi musical li tixtieq tinterpreta, liem ikun u għaliex tixtieq dan l-irwol?
M’hemmx xi rwol speċifiku li nixtieq nagħmel għax l-irwoli li l-aġent tiegħi bagħatni għalihom kienu adatati għalija. Inħobb ikolli sfida miegħi nnifsi u kull karattru li jkolli, dejjem insib diversi modi biex nisfida lili nnifsi. B’hekk nifhem il-karattru u l-perspettiva vera milli nirreċta l-verità.
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk iż-żgħażagħ li joħolmu li xi darba jkollhom karriera barra minn xtutna, possibilment f’Londra? X’għandhom jagħmlu biex forsi dan iseħħ.
Nistqarr li jien grat li ġejt mogħti din l-opportunità, diffiċli kemm hi diffiċli jekk din xi ħaġa li tixtieq tagħmel, m’għandu qatt ikun hemm limiti ta’ x’tista’ tagħmel. Jekk ma tippruvax, ma tirnexxix. Taf tfalli u taf tkun ta’ suċċess u tmur tajjeb imma dejjem għandek tibqa’ leali lejn dak li jagħmel kuntent. Nirringrazzja lil ġenituri tiegħi Michael u Rosalind, familjari ħbieb ġenwini li dejjem kienu hemm bħala sapport. Kollox hu possibli jekk taħdem ħafna għalih.
Minn hawn nixtiequ nirrigrazzjaw lil Damian li sab ħin iwieġeb dawn il-mistoqsijiet u nawgurawlu aktar u aktar suċċessi barra minn xtutna. Żgur li qed jagħmel isem għal pajjiżna u jħalli impatt pożittiv. Awguri.