Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli kienet fl-Italja fejn bħalissa qed isiru l-aħħar modifikazzjonijiet fuq karozza speċjalizzata biex persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti u persuni b'diżabbiltajiet oħra jkunu jistgħu jitħarrġu fiha.

Il-karozza, b'investiment ta' €80,000, se tasal f'Malta daqt u hija mgħammra b'teknoloġija li tippermetti li persuna ssuq il-karozza mis-siġġu tar-roti stess.  Propju fil-Jum Internazzjonali ddedikat għall-Persuni b'Diżabbiltà, il-Ministru Farrugia Portelli ħabbret it-twettiq ta' proposta oħra tal-manifest elettorali permezz ta' dan l-investiment li qed isir.

It-tema tal-ġimgħa dedikata għall-persuni b'diżabbiltà li bdiet propju fil-jum internazzjonali tisħaq dwar il-ħtieġa li s-soċjetà tħares lejn soluzzjonijiet trasformattivi għall-iżvilupp inklużiv.

Dan anki permezz tal-irwol tal-innovazzjoni fit-trawwim ta' dinja aċċessibbli u ġusta. Il-ministru qalet li l-investiment qed ikompli jikkonferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern dwar l-inklużjoni, fis-sens l-aktar wiesa' tiegħu.

fg

“L-inklużjoni għandha titrawwem u tinkiseb permezz ta' diversi proġetti ta' indipendenza. Il-miżuri tal-Budget 2023 se jkomplu jagħmlu dan", irrimarkat il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Fl-Italja kien spjegat li l-karozza inkwistjoni tista' tiġi misjuqa wkoll minn persuni b'diżabbiltajiet differenti permezz ta' seat li jitwaħħal apposta. Il-modifikazzjonijiet tal-karozza huma mmirati għal kulħadd.

Dan ifisser li jekk persuna ma tistax tagħmel użu mill-id il-leminija, il-kontroll ikun kollu fuq ix-xellug, u viċi versa.

Il-karozza għandha fiha wkoll sistema awtomatika ta' tifi tan-nar biex persuna b'diffikultajiet aktar ta' immobbiltà qatt ma tkun fil-periklu. Persuni b'diżabbiltajiet differenti se jkunu jistgħu jirċievu taħriġ dwar din il-karozza mill-Aġenzija Sapport.


Kyle Zarb