It-tim ta' Gwida.mt tkellem ma' Hannah Giacchino, rebbieħa tat-titlu ta' Miss Malta, kif ukoll Miss Gwida, li ftit ilu għadu kif insterqilha l-profil tagħha ta' Instagram. Hi tkellmet magħna dwar dan li ġara, xi ħaġa li kull ma jmur qiegħda tiġri dejjem iktar.

Hannah tirrakkontalna kif kollox beda minn messaġġ li rċeviet mingħand ħabiba tagħha fejn talbitha pjaċir. Qaltilha li kienet qed tipparteċipa f'kompetizzjoni u kellha bżonn l-għajnuna tagħha billi timxi ma' xi struzzjonijiet li tagħtha. 

FG

"Bdiet tibgħatli messaġġi bħas-soltu u ma ssuspettajt xejn. Dak il-ħin ma kontx naf li l-profil ġie misruq u li ma kinitx hi li qed tkellimni."

Ma damitx ma ntebħet b'dak li ġara hekk kif ma setgħetx tidħol fil-kont tagħha ta' Instagram, u rċeviet bosta notifiki bil-konverżazzjonijiet li allegatament qed isiru mill-profil tagħha. Sħabha bdew jibgħatulha ritratti tal-messaġġi li qed jirċievu mingħandha, dwar investimenti li qed tagħmel fil-Bitcoin.

"Il-hacker dar il-messaġġi tiegħi fuq Instagram u osserva l-mod kif nikteb il-messaġġi sabiex in-nies jaħsbu li jien u kienet realistiku ħafna , li hi tassew xokkanti. Dan baqa' għaddej għal jumejn sħaħ u minkejja li rnexxieli nidħol fil-kont tiegħi wara li nsteraq, ma tantx domt, għax reġgħu serquh. Sfortunatament il-kont spiċċa biex tneħħa wara li tant ħdimt biex nibni l-kontenut tiegħi ma' bosta nies li ltqajt magħhom matul il-vjaġġ tiegħi."

FG

Hannah tgħid li ma kinitx aġġornata biżżejjed dwar dawn il-hackers li hawn mas-saqajn. Kollox beda meta rċeviet messaġġ mingħand persuna viċin tagħha li talbitha pjaċir, u hi xtaqet tgħin kif tista' bħal dejjem. Mit-ton li ntuża ma kellha l-ebda idea li l-profil ta' dik il-persuna ġie misruq, u għaldaqstant afdatha.  

"Il-messaġġ tiegħi għal kulħadd huwa li jkunu viġilanti u attenti ħafna billi jiċċekkjaw kwalunkwe email minn Instagram relatata ma' xi azzjoni suspettuża li ssir fuq il-kont tiegħek (bħal login minn apparat ieħor). Nirrakkomanda wkoll li tintuża l-2FA (Two Factor Authentication) u tinħoloq password sigura biżżejjed."

Ma' Hannah tkellimna wkoll dwar il-progress li kellha fil-karriera tagħha bħala mudella, fosthom ir-rebħa ta' żewġ titli sbieħ. "L-esperjenza tiegħi bħala Miss Malta u Miss Gwida kienet esperjenza inkredibbli li se nkun grata għal dejjem."

"Tgħallimt ħafna aktar dwari nnifsi u għenitni nsir il-mara li jien illum. Kersten Borg, id-direttur tiegħi kien tassew persuna ta’ ispirazzjoni f’dan il-vjaġġ. Kien ta' unur kbir ukoll li rbaħt il-Miss Gwida u kont kuntenta ħafna li nirrappreżentaha, aħseb u ara li rbaħt it-titlu!"

Hannah għamlet profil ġdid bl-isem hannahgiacchino_x u appellat biex il-pubbliku jsegwi l-vjaġġ tagħha minn dan il-kont.


Gwida.mt