Ilkoll niftakru lil Conchita Wurst tirbaħ il-Eurovision Song Contest 2014. B’dik il-leħja ikonika fuq xi ħadd femminili, żgur kienet riċetta ta’ suċċess biex tibqa’ f’moħħ is-segwaċi. Iżda wara li għaddew 5 snin mir-rebħa, Tom Neuwirth li huwa l-persuna wara Conchita, għandu pjanijiet differenti fejn jixtieq jieħu l-karriera mużikali tiegħu.

F’dawn l-aħħar xhur, l-apparenza ta’ Conchita nbidlet drastikament. Daqsekk parrokki, daqsekk lbiesi, daqsekk make-up femminili!

Waqt intervista li Tom u Conchita kellom fuq stazzjon televiżiv Olandiż, il-preżentatriċi staqsiet lil Tom jekk qatilx lil Conchita, u hu wieġeb fin-negattiv u qal li m'għandux idea fejn hi.

Fl-istess intervista Tom ammetta li ħafna nies jiġu fuqu u jirringrazzjawh tal-qawwa u l-ispirazzjoni, u jgħidulu kemm hu persuna kuraġġuża. Hu ma jaqbilx ma dan, għaliex jgħid li mhux qed jagħmel xejn ta kuraġġ, sempliċiment qed ikun hu nnifsu.

Meta mistoqsi dwar il-bidla drastika fid-dehra tiegħu, hu stqarr:

Lura meta kont nidher inkanta bħala Conchita b’libsa, dik kienet il-verżjoni tiegħi nnifsi li kont qed inħoss f’dak il-punt f’ħajti. Kont nirriskja ftit aktar, kont inħossni aktar b’saħħti, għax dejjem hemm xi ħaġa tilqa’. Minn dejjem kienet mod kif naħbi ċertu affarijiet u minn dejjem kienet biss verżjoni waħda tiegħi nnifsi, u jekk tillimita lilek innifsek, ser iżżomm lilek innifsek lura.

Iżda mal-bidla fid-dehra, Conchita ġab ukoll bidla fil-ġeneru ta’ mużika li jipproduċi. Ara waħda mill-prestazzjonijiet riċenti live tiegħu.

X’differenza minn Rise Like A Phoenix hux?!


Luke Borg