Permezz tal-paġna ta' Facebook tiegħu, it-tenur Cliff Zammit Stevens ħalla messaġġ li jqanqal tant u tant emozzjonijiet f'dawk kollha li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom. Cliff jaqsam ritratt tal-għażiża ommu u jikteb kitba u jiftaħ b'sentenza li tiġbor kollox: "Sentejn t'uġigħ." Aħna ddeċidejna li nħallu l-messaġġ ta' Cliff li jitkellem waħdu f'dan il-mument tant delikat għat-tenur.

"Ħafna drabi, il-ħajja tidher li hija sfida waħda wara l-oħra, u tħallik tistaqsi meta tkun se jkollok breajk jew l-affarijiet se jsiru aktar faċli. Il-ħajja mhix faċli. Xejn dwarha mhu. Xi drabi, insib ruħi nipprova b'diffikultà inżomm f'qalbi l-mumenti ferħana sempliċement minħabba li ngħix fil-biża’ li d-darba li jmiss se tiġri xi ħaġa terriblement iebsa u li se jkolli bżonn negħleb."

Ritratt: Facebook / Cliff Zammit Stevens

"U taf x’jagħmel dawn il-mumenti orribbli, saħansitra agħar? Li rrid ngħixhom mingħajr il-mamà. Ommi suppost kellha tkun hemm. Kellha tiġborni meta naqa' u tkun il-vuċi tar-raġuni fil-widnejn, kull darba li ma kontx naf jekk kontx ħa nagħmel l-għażla t-tajba. Suppost kellha tkun hemm biex tirranġa l-affarijiet u tagħmel l-affarijiet diffiċli fil-ħajja aktar faċli. Hija suppost kellha tkun ir-raġuni li jien qatt ma nkun waħdi."

"Allura li jkollok tgħaddi minn dawn l-affarijiet mingħajrha hi orribbli. Fil-fatt, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nibda nirrealizza kemm qed nitlef li m'għandhix lil ommi tgħix il-ġlidiet tal-ħajja miegħi. Għal kull triq li nsiq magħluqa u kull darba li ma nafx fuq min ġa ndur, insib ruħi nieqes iddisprat u imxennaq għall-imħabba, il-parir u l-għerf ta' ommi. Hemm hafna affarijiet li qed titlef hi. Hemm daqstant affarijiet li suppost kellha tkun hawn u mhix."

Ritratt: Facebook / Cliff Zammit Stevens

"Id-dinja hija tal-biża'. Il-ħajja taf tkun wisq għal dak li jkun u sempliċiment diffiċli. Imma wara dan trid tifhem kif ħa tkompli miexi 'l quddiem, li tirbaħ fuq dawn l-affarijiet terribbli mingħajrha kienet mija fil-mija l-agħar ħaġa li qatt kelli nagħmel. M'hemm l-ebda imħabba bħall-imħabba li ġejja minn omm u m'hemm ħadd fuq din l-art li jista' jieħu postha jew jimla l-vojt ta' dan in-nuqqas. Il-ħajja hija iebsa, imma li jkollok tagħmel dan kollu mingħajr ommok, hija saħansitra aktar diffiċli."

Aħna f'isem Gwida.mt nixtiequ ngħidu lil Cliff sabiex jagħmel kuraġġ, ċertament li ommu kburija ferm bih b'dak kollu li qed iwettaq u tinsab miegħu f'kull pass.

Facebook / Cliff Zammit Stevens


Emil Calleja Bayliss