Dalwaqt jibdew l-iskedi tal-ħarifa tal-istazzjonijiet lokali u għad-disa' sena se jkun qed jasal il-programm Ilsien In-Nisa, mill-ġdid fuq ONE. Tkellimna ma’ Clare Agius, Claire Agius Ordway u Pauline Agius, biex għal sena oħra nippruvaw nitkixxfu xi kurżitajiet interessanti dwarhom.
Ritratt: Facebook / Ilsien In-Nisa
Liema huma l-aktar suġġetti li tħossok appassjonata fuqhom u tieħu gost tiddiskutu?
Clare Agius: L-aktar li nieħu gost nirriċerka huma dawk li jinvolvuli nara x'jagħmlu pajjiżi oħra sew jekk qed nitkellmu fuq turiżmu sostennibli u trendy, kif ukoll suġġetti bħal metodi ta’ edukazzjoni u oħrajn. Inħobb ħafna ukoll dak li hu fl-għeruq tal-kultura tagħna u li nħoss li għandna ntuħ importanza u prominenza minħabba r-riskju li jista’ jintesa’ jew jintilef.
Dan inħoss li jagħti rikezza kbira lil identità tagħna. Inħobb ukoll suġġetti li jgħallmuni modi ġodda ta’ għixien aħjar kemm b'mod fiżiku, mentali jew spiritwali. Pratikkalment, dak kollu li ma tismax fuqu l-ħin kollu u tara nies jiddiskutuh fuq it-televiżjoni l-ħin kollu.
Claire Agius Ordway: Fil-verità l-isbaħ ħaġa ta’ dan il-programm hi li b’xi mod jew ieħor mingħajr ma trid tinteressa ruħek u kif naħdmu flimkien issa jirnexxielna niddiskutu minn angoli differenti tant li niġu passjonati mingħajr ma rridu. Imma jekk kelli bilfors nagħżel inħobb ħafna niddiskuti suġġetti fejn jidħlu tfal - saħħa fiżika u mentali u anke issues fejn nistgħu ngħinu u nagħtu leħen lil min għandu bżonn.
Pauline Agius: Kollox! Naħseb dak hu s-sabiħ ta’ programm bħal dan li dejjem qed titratta suġġetti differenti u dejjem tiltaqa’ma’ nies ġodda u dejjem titgħallem. Il-parti tar-riċerka ta’ kull programm hi eċitanti daqs il-programm innifsu għaliex tant tiltaqa’ ma’ affarijiet li ġieli d-diffikultà tkun kif se ddaħħal kollox f’programm ta’ satejn. Fost l-aktar programmi għal qalbi dejjem ikun hemm dawk ta’ stejjer umani, dawk relati mas-saħħa u oħrajn li jiddiskutu l-psikoloġija tal-bniedem u r-relazzjonijiet ma’ xulxin.
Ritratt: Facebook / Ilsien In-Nisa
Kieku tidħol ġo tieġ jew party u ma tkun taf lil ħadd u ħadd ma jkun jafek, x’tagħmel?
Clare Agius: Darba ġratli meta kont barra. Kont mistiedna ta xi ħadd li kien jaf ftit nies imma lili ma kien jafni ħadd u ma ddejjaqt xejn! Ħallejtu jpaċpaċ u jien mort inġib drink u qgħadt bilqiegħda fuq ċint nitpaxxa u nosserva n-nies u nieħu pjaċir li m'għandix għalfejn nitkellem jew nagħmel 'small talk'.
Li ġara mbagħad kien li għamilt ħbieb ma’ waħda u spiċċajna nparlaw fuq tant affarijiet interessanti li nsejt li kont qiegħda tieġ u vera ħadt gost. Għax jien ħafna nippreferi konversazzjoni interessanti ma’ persuna waħda jew tnejn milli trid tkellem mitt persuna fuq ix-xejn sempliċiment biex tkun tidher qed ‘tissoċċjalizza’.
Claire Agius Ordway: Ma niddejjaq lanqas xejn. Jien l-hena tiegħi nosserva u nara n-nies. Nintefa’ niekol u nixrob fir-rokna u noqgħod nosserva u fil-verità jien malajr naqbad konversazzjoni, jiġifieri jekk niddejjaq niċċassa malajr immur ħdejn xi ħadd.
Pauline Agius: Biex inkun onesta jien persuna li wara ġurnata xogħol inħobb noqgħod fil-kwiet imma ġo dari mhux f’xi party jew tieġ. Allura jekk tiġrili din, niddejjaq ftit li ma naf lil ħadd għax normalment immur party jew tieġ biex nieħu pjaċir nissoċċjalizza. Nemmen ukoll li kollox jiġri għal xi raġun, jiġifieri jekk xi darba tiġrili, żgur se jkun hemm xi messaġġ jew tagħlima li kelli nieħu minn esperjenza bħal din.
Ritratt: Facebook / Ilsien In-Nisa
Jekk ikollok torganizza btala/vaganza għalik waħdek, fejn tagħżel li tmur u kif tqassam il-ġurnata?
Clare Agius: Jien x'aktarx nagħżel li mmur xi yoga retreat fejn nagħmel ġurnata sħiħa nagħmel yoga, meditazzjoni, niekol nadif u nqatta’ l-ħin tiegħi kwieta bla storbju u fin-natura. Bħala post/pajjiż ma jimpurtax, l-importanti li jkun fin-natura bħal f'xi foresta, maġenb xi xmara, fejn nista nosserva t-tlugħ u nżul ix-xemx, nisma’ l-għasafar u niġbed arja friska.
Claire Agius Ordway: Jiena immur f’post fejn trid timxi biex tara postijiet remoti, għal kwiet u ovvjament fin-natura. Għalkemm inħobb ħafna niskopri il-kultura u l-istorja nammira ħafna min isiefer b’basket wieħed u idur il-postijiet f’avventura waħda.
Pauline Agius: Qatt m’għaddietli minn moħħi li nsiefer waħdi s’issa allura qatt ma ħsibt fuqha. Jekk ikolli nagħżel, immur jew fuq xi gżira nirilassa, nixrob il-cocktails, nixxemmex u ngħum jew b’kuntrast, immur fil-muntanji, ġo xi dar żgħira sabiħa bil-fireplace mixgħul, inħares lejn il-veduta, naqra xi ktieb sabiħ u nieħu t-tè.
Kif tqassmu x-xogħol bejnietkom fejn tidħol il-produzzjoni tal-programmi u x’tip ta’ preparamenti jinvolvi kull programm?
Għalkemm niltaqgħu kollha kull ġimgħa u niddiskutu kollox bejnietna, kull ġimgħa waħda minna jkollha responsabbilità li tipproduċi dak il-programm hi jiġifieri tagħmel kuntatt mal-mistiedna, tiżviluppa r-riċerka ta’ dak is-suġġett, tfassal il-programm u tagħmel il-kommunikazzjoni neċessarja mal-oħrajn kif ukoll man-nies tekniċi kollha ħalli dak in-nhar tal-programm tieħu r-rwol ta preżentattriċi bħat-tnejn l-oħra.
Hemm ħafna aktar xogħol li jsir ta darba fis-sena imma li jieħu ħafna xogħol u ħin bħas-sett, is-sigla tal-programm, il-materjal promozzjonali eċċ. Dan jitqassam b'mod naturali skont il-bżonn. Imbagħad hemm l-isponsors li huma mqassmin bejnietna kollha allura filwaqt li nkunu nvoluti kollha, kull waħda minna tagħti aktar attenzjoni lill-klijenti tagħha.
Ritratt: Facebook / Ilsien In-Nisa
Kif inhi il-ġurnata tipika tagħkom tal-Ħadd fis-sajf u fix xitwa?
Claire Agius Ordway: Faċli ħafna, fix-xitwa ġeneralment ġurnata d-dar bil-piġama naraw serje wara oħra, jekk tkun ġurnata sabiħa ndaħħlu mixja fil-kampanja. Fis-sajf dejjem ġurnata il-baħar.
Clare Agius: Meta nkun Malta, ġewwa d-dar, nisbarazza u norganizza d-diżastru tad-dar li jkolli waqt li minn ħin għall-ieħor insajjar xi ħaġa, nilgħab mat-tfal, forsi nimlilhom il-pool iż-żgħir u ngħaddi siegħa nċafċaf imbagħad kif jorqdu, tazza nbid fit-terazzin mar-raġel inparlaw jew fil-kwiet inħarsu lejn l-istilel. Jekk inkun imsiefra, ġurnata niġri barra u nesplora.
Pauline Agius: Sajf jew Xitwa, il-Ħadd hi ġurnata speċjali għalija u huwa jum li jien niddedika kompletament għall-familja! La nagħmel tindif u lanqas ħwejjeġ u bħala tisjir jew nipprepara xi ħaġa ħafifa jew xi riċetta l-forn li nagħmel mis-Sibt biex il-Ħadd kemm insajjarha. Din il-ġurnata nuża għall-ħin ta’ kwalità mal-familja minn x’ħin inqumu sakemm norqdu.
Il-ġurnata dejjem tibda bil-‘breakfast in bed’ mhux neċessarjament bit-toast u l-bacon imma imqar kikkra kafè u galletina, biżżejjed! Fis-sajf u kull meta t-temp jippermetti ssir fil-bitħa jew terrazzin din il-biċċa xogħol imma dejjem issir. Il-Ħadd hi ġurnata li mhux biss fiżikament imma anke mentalment, inkun irrid saħti lura għal kumplament tal-ġimgħa.
Ritratt: Facebook / Ilsien In-Nisa
Meta kontu l-iskola liema kien l-iktar suġġett li kontu tħobbu u fil verità rrifletta fil-karriera tagħkom?
Clare Agius: Il-Maths u l-Physics u l-letteratura Ingliża. L-istejjer u l-leterattura servewni ħafna fir-reċtar speċjalment meta kont nagħmel il-produzzjonijiet ta Shakespeare. Il-Maths u l-Physics inħoss li ħarrġuli moħħi biex jagħmel somom malajr u għalkemm ftit niftakar il-formoli, dawk is-somom ikkumplikati u l-equations esaġġ, it-training fin-numri hemm qiegħed u nħossni naf nagħmel kalkoli malajr ħabba hekk.
Claire Agius Ordway: Jien kont inħobb ħafna l-istorja u għalkemm ma sibtx ix-xogħol tiegħi mhux relatat direttament fil-verità jkolli ħafna intervist li fihom tidħol l-istorja. Il-PE kont inħobbu ukoll imma ma kontx passjonata daqs kemm jien illum żgur u qatt ma kont nobsor li se nkun daqshekk involuta fil-fitness. Iżda dejjem kelli għalliema li kienu jagħmlulna dik il-lezzjoni interessanti u kont nippreferiha minn lezzjoni fil-klassi.
Pauline Agius: Meta kont l-iskola fost is-suġġetti għal qalbi kelli dawk tax-xjenza, speċjalment il-bijolġija li għalkemm mhux relatat xejn max-xogħol tiegħi llum il-ġurnata, huwa suġġett li b’xi mod jew ieħor tmiss miegħu kuljum. Għalhekk xorta nħoss ċertu importanza. Barra minn hekk, jgħini ħafna meta niddiskutu suġġetti relatati mas-saħħa jew bħal meta kelli ż-żewġt itfal għaliex nifħem ftit aktar l-iżviluppi li jkunu qed isiru fil-ġisem.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Facebook / Ilsien In-Nisa