Jekk qed tfittex li tara spettaklu b'differenza, b'daħk garantit u spontanjetà li mhux talli tnissillek tbissima iżda tispiċċa tidħak mill-qalb, mela titlifx iċ-ċans li tmur tara Chucky’s Christmas Cracker – A Solo Panto Experience ġewwa Spazju Kreattiv.
Mhux se niżvelaw wisq, imma kif jindika t-titlu Chucky, id-drag queen popolari lokali u l-vuċi ta' Love Island Malta, tagħmel din il-pantomima weħdiha iżda xorta spettaklu speċjali u divertenti bl-elementi li nsibu f'pantomima tradizzjonali b'satira politika, interazzjoni mal-udjenza u mistednin speċjali f'kull prestazzjoni!
Aħna ta' Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nattendu dan l-ispettaklu lbieraħ filgħaxija u nistgħu ngħidu li mhux talli ddevertejna iżda dħakna u ħadna verament pjaċir. L-istorja ta' Beauty and the Beast ħadet xejra kemxejn differenti iżda ġiet relevanti aktar għaż-żminijiet tal-lum ukoll.
Ikollna nistqarru li kienet esperjenza unika u probabbli l-ewwel darba li rajna pantomima ta' din ix-xorti f'Malta. Aħna nħajrukom issibu ftit ċans sabiex tmorru taraw l-ispettaklu ta' Chucky. Fadal erba' rappreżentazzjonijiet, illum il-Ħadd 22 ta' Diċembru u fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, 27, 28 u 29 ta' Diċembru. Titilfux dan iċ-ċans!
Agħfsu HAWN għal aktar dettalji!