Fi tmiem din il-ġimgħa, Ħal Għaxaq jilqa’ fih żewġ artisti ta’ fama internazzjoni, Chris Norman u Gigi D’Alessio. SummerLust Events għaddejjin bl-aħħar preparament biex nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Mejju u s-Sibt 10 ta’ Mejju jilqgħu bi kbir lil dawn l-artisti ġewwa Għaxaq Grounds f’Ħal Għaxaq għal żewġ kunċerti li mhux ta’ min jitlifhom.
Kollox jibda l-Ġimgħa 9 ta’ Mejju b’kunċert minn Chris Norman, il-vuċi oriġinali tal-grupp Smokie. Flimkien mal-band tiegħu, ser ikun qiegħed jagħti spettaklu b’memorji mill-isbaħ permezz tal-aqwa kanzunetti tal-grupp Smokie, fosthom Living Next Door to Alice, Needles and Pins, Oh Carol u oħrajn li tant kisbu suċċess matul is-snin. Bħala supporting act għal dan il-kunċert, min jattendi ser ikun jista’ jisma’ lill-grupp Different Minds. Matul din is-serata wieħed ser igawdi wkoll mużika minn Alex Grech u Pierre Cordina.
L-għada, is-Sibt 10 ta’ Mejju, il-festival ser ikompli bil-vuċi tal-kantawtur Taljan Gigi D’Alessio. Żgur li din il-lejla ser tkun waħda impekkabbli għal dawk kollha li jħobbu d-diski Taljani. D’Alessio se jkun fostna bil-band tiegħu u ser jesebixxi l-aqwa diski mir-repertorju vast, fost oħrajn Non Dirgli Mai, Non Mollare Mai u Mon Amour. Bħala supporting act għal dan il-kunċert, wieħed ser ikun jista’ jgawdi lil Ivan Grech u l-band tiegħu. Jagħlaq din is-serata Dj Ziggy.
Tajjeb wieħed isemmi li f’dawn iż-żewġ kunċerti se jkun hemm areas u entratura bla ħlas u bħalma ġara fis-snin li għaddew, l-organizzaturi ser ikunu qed jiġbru donazzjoni li tmur b’risq Dar Bjorn. Però, dawk li jkunu jixtiequ joqogħdu f’areas partikolari, jistgħu jixtru l-biljetti minn fuq showshappening.com.
L-organizzaturi ħasbu wkoll li jkun hemm parking areas fil-viċinanzi ta’ fejn ser ikunu qed jittellgħu dawn il-kunċerti li ser jiftħu s-sajf Malti. Għal aktar dettalji u informazzjoni nħeġġukom iżżuru l-paġna ta’ Facebook SummerLust -Għaxaq Music Events li tiġi aġġornata minn ġurnata għal oħra. Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.