Il-kantanta popolari Maltija Chiara, magħrufa għall-vuċi anġelika tagħha u t-tliet darbiet li rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest, għadha kemm ħarġet silta ġdida bl-isem Kuljum, verżjoni bil-Malti tal-kanzunetta Angel. Din is-sena, Angel qed tiċċelebra għoxrin sena minn meta ħarġet għall-ewwel darba, u Kuljum inħarġet bħala ġieħ għal dan il-mument speċjali.
Il-lirika ta’ Kuljum hi miktuba mill-kantawtur Kurt Calleja flimkien ma’ Chiara stess, bi produzzjoni ġdida ta’ Edward Abela ta’ Midnight Studio. Chiara hija figura magħrufa sew fl-isfera mużikali Maltija, speċjalment għall-parteċipazzjonijiet tagħha fil-Eurovision:
- 1998: The One That I Love – fejn spiċċat fit-tieliet post, ftit punti ‘l bogħod mir-rebħa,
- 2005: Angel – li wasslitha sat-2 post,
- 2009: What If We – li kisbet post fil-finali u spiċċat fil-22 pożizzjoni.
B’din il-kanzunetta Chiara tkompli tfakkar is-suċċessi tagħha u tagħti ħajja ġdida lill-mużika bil-lingwa Maltija. Żgur li s-segwaċi lokali se japprezzaw din il-verżjoni ta’ Angel.
Facebook / Chiara