Magħruf bħala l-artist li pitter il-famuża pittura “Il-qtugħ tar-ras ta’ San Ġwann” li tinsab fil-Kon-katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, il-ħajja kkulurita tiegħu hija ferm iktar misterjuża mill-pitturi kollha tiegħu. L-għan tal-Musical Caravaggio hu li jixħet ftit dawl fuq it-turmenti personali tal-artist permezz ta’ storja oriġinali.

Caravaggio The Musical se tittella’ fl-akbar teatru ta’ Malta għall-ewwel darba ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) mill-20 ta’ Settembru 2022. Din il-produzzjoni oriġinali mtella’ mill-MCC dwar il-ħajja intriganti ta’ dan il-pittur se tkun bil-lingwa Ingliża.

Il-pittur twieled fl-1571 u d-drama u l-kuntrasti li wieħed isib fil-pitturi tiegħu jistgħu jitqabblu sew mal-ħajja kkulurita tiegħu. Dan l-artist tal-Barokk b’teknika chiaroscuro fejn il-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam huma evidenti sew kien magħruf ukoll għar-realiżmu jew naturaliżmu tiegħu. Caravaggio kien jippreferi jpinġi d-dettalji u l-imperfezzjonijiet tas-suġġetti tiegħu aktar mill-forom idealizzati tagħhom.

Is-sottotitlu “The Rise and Fall of a Tormented Genius” huwa ideali biex jenfasizza t-talenti kbar tal-artist kif ukoll il-parti ‘mudlama’ fil-ħajja tiegħu li setgħu jxekkklu s-suċċessi artistiċi tiegħu. Il-pittur kemm-il darba kien involut fi ġlied u xellef difru mal-liġi. Dawn il-ġrajjiet ħallew ħerba f’kull Belt li kien jgħammar u l-pittur ma kellux għażla ħlief jaħrab għall-Belt li jmiss.

Il-kompożitur Maestro Paul Abela, l-moħħ wara din il musical oriġinali spjega kif kien ilu s-snin joħlom li joħloq spettaklu fuq il-ħajja tal-pittur Caravaggio li huwa l-aktar artist ta’ fama internazzjonali b’konnessjoni ma’ Malta. Hu jgħid ukoll li kif il-produtturi tal-MCC aċċettaw l-idea, ix-xogħol beda miexi mill-ewwel. Il-pass li jmiss kien li jinstab awtur u l-għażla waqgħet fuq il-ħabib u liriċista mill-aqwa Joe Julian Farrugia li ħadmu flimkien fuq bosta produzzjonijiet tul dan l-aħħar 20 sena. Bis-saħħa tal-pandemija tal-Covid 19, ix-xogħol beda miexi b’ritmu mgħaġġel peress li kien hemm iktar ħin biex jinqasmu l-ideat, xi riċerka, biċċiet mużikali u lirika biex jinbena l-plot ftit ftit.

L-awtur Joe Julian Farrugia beda bir-riċerka tiegħu biex jagħżel liema ġrajjiet fil-ħajja ta’ Caravaggio se jinkludi fil-musical. Hu jgħidilna li Caravaggio għex erba’ sekli ilu u minkejja li kull storiku jagħti l-interpretazzjoni tiegħu tal-ħajja tal-artist, hu ħass il-bżonn li jagħżel dak li hu addatat mingħajr ma jikkontradixxi dak li kulħadd jaqbel dwaru. Wara r-riċerka beda b’sinopsi li aktar tard kabbar f’abbozz ta’ listi ta’ xeni. Il-fatt li ilu jaħdem mal-Maestro Paul Abela ħafna żmien, għen biex jimxu fuq l-istess proċedura fejn għal xi kanzunetti kiteb il-lirika l-ewwel u għal xi oħrajn kiteb il-lirika mal-mużika flimkien mal-Maestro.

Bħala direttur ġie magħżul Malcolm Galea li għandu ħafna esperjenza fil-kitba u direzzjoni ta’ bosta musicals li kienu ta’ suċċess. Din l-esperjenza kienet imprezzabbli biex jipperfezzjonaw flimkien id-dramaturġija u jkompli jiżviluppa il-librett li ħejja Joe Julian Farrugia li kellu l-elementi kollha meħtieġa biex jittella’ spettaklu b’saħħtu. Hu kompla jgħid li b’din l-istorja partikolari qed jiġu trattati t-temi rikurrenti tad-dawl kontra d-dlam kemm fuq livell fiżiku u kemm dak emozzjonali. Is-sett se jkun iddisinjat mill-istraordinarju Romualdo Moretti li ħadem fuq disinn ta’ settijiet madwar id-dinja kollha. Id-disinn tal-kostumi se jkun f’idejn Giulia Orsi.

Felix Busuttil ġie fdat bil-korjografija li żgur se tagħti iktar enerġija lix-xeni u jżidu l-movimenti li jpaxxu l-għajn. Id-direttur kompla jitkellem dwar il-vjaġġ tal-karattru ta’ Caravaggio tul il-musical fejn flimkien mal-Maestro u l-awtur assistew għal-ħolqien ta’ artist li l-konflitti tiegħu stess jagħmluh suxxettibbli u imprevedibbli għal żewg estremi opposti. Esperjenzajna flimkien l-orrur ta’ kif il-personalità traġika tiegħu kontinwament tefgħetu fl-ogħla suċċessi qabel tefgħetu fl-iktar fond baxx tal-miżerja.

B’taħlita ta’ talent lokali u internazzjonali b’esperjenza fuq u barra l-palk, Caravaggio - The Musical iwiegħed spettaklu li huwa eċċitanti daqs il-ħajja tal-protagonista tiegħu. Caravaggio - The Musical jiftaħ ġewwa Dar il-Mediterran għall-konferenzi (MCC) mill-20 sal-25 ta’ Settembru 2022 (bl-eċċezzjoni tat-22 ta’ Settembru).

Dawk kollha li mħajrin jattendu jistgħu jixtru combo-ticket biex jaraw il-musical u jżuru l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Għall-biljetti, offerti speċjali u termini u kundizzjonijiet jekk jogħġħbok żur www.showshappening.com/mcc/Caravaggio-The Musical.


Gwida.mt