L-artista lokali BROOKE għadha kif nediet il-filmat mużikali tal-kanzunetta tagħha Tiegħek Jien li ppreżentat fil-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Il-kanzunetta għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar u l-istess BROOKE.
Il-kanzunetta għandha ħoss modern għall-aħħar iżda tagħti spazju wkoll lill-orkestra sabiex tispikka fiha wkoll. Dan l-element kif tistgħu taraw inżamm fil-filmat mużikali li ħarġet l-artista, fejn waqt l-interpretazzjoni mimlija enerġija u emozzjoni jingħaqdu magħha numru ta’ mużiċisti li jkomplu janimaw il-kanzunetta.
Minkejja li f’Mużika Mużika rajna diversi kanzunetti ta’ mħabba, din kienet kanzunetta ta’ mħabba b’differenza fejn it-tim warajha ħadem ħafna fuq il-ħoss tal-kanzunetta fejn ikkombina diversi ħsejjes orkestrali b’xeħta moderna għall-aħħar, flimkien ma’ lirika sempliċi li tmiss il-qlub ta’ dak li jkun.
Din il-kanzunetta niżlet tajjeb immens fl-aħħar edizzjoni u rnexxielha tikseb it-tieni post fil-festival ta’ Marzu li għadda. Il-kanzunetta għamlitha wkoll sal-quċċata tal-klassifika lokali, kif ukoll daħlet mal-aqwa 10 fuq l-istazzjon 89.7.
Minn wara l-festival, BROOKE tkellmet mal-tim kreattiv tagħha u minn hemm bdiet il-ħidma tal-filmat mużikali. Sabiħ li tfakkar dan is-suċċess permezz ta’ filmat mużikali li jista’ jitgawda minn kulħadd, speċjalment lil dawk li urew is-sapport tagħhom tul din l-avventura.
Minkejja l-karriera twila tagħha, din kienet proprju l-ewwel darba li BROOKE daħlet f’kompetizzjoni ta’ kanzunetti bil-Malti, ħasset li kien il-waqt li tagħmel dan minħabba l-imħabba li għandha lejn il-lingwa Maltija. Tiegħek Jien kif qalet f’diversi interesti hija kanzunetta personali mmens għaliha, u ftit mid-drabi li għażlet li tkanta kanzunetta ta’ mħabba.