Wara ħafna xhur ta’ stennija, BRILLANTI jirritorna llejla – din id-darba BRILLANTI SINGERS! Minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex u lil hinn, ġew b’ħeġġa għall-awdizzjonijiet ta’ din is-sensiela tant speċjali. Il-premju aħħari? Total ta’ €30,000 sabiex jintużaw għall-avvanz tat-talent tar-rebbieħa – din id-darba, it-talent popolari tal-kant!
L-emozzjonijiet huma m'għola s-sema, hekk kif it-tliet membri tal-ġurija internazzjonali jaslu ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex jibdew l-awdizzjonijiet: Nate Morrison mill-Ingilterra, Verdiana mill-Italja, u Sara Harrison mill-Ingilterra. Huma l-membri tal-ġurija li se jkollhom f’idejhom id-destin taż-żgħażagħ, li kollha għandhom ħolma waħda – dik li jkunu r-rebbieħ/rebbieħa ta’ Brillanti Singers 2025!
F’dan l-ewwel programm, Joseph Chetcuti u t-tim tiegħu ta’ Brillanti se jwasslulna aktar minn għoxrin applikant – se naraw flimkien l-awdizzjoni ta’ kull wieħed, id-deċiżjoni tal-ġurija u ħafna filmati ‘reality’ minn wara l-kwinti!
Diversi protagonisti se jsebbħu l-programm tal-lejla, fosthom iċ-ċkejkna Naya, li bil-ħlewwa tagħha se tisraq il-qlub ta’ kulħadd; it-talenti kbar ta’ Mariah, Mina u Ethan, kif ukoll żgħażagħ oħra b’vuċijiet li jħalluk b’ħalqek miftuħ. Ma jonqsux ukoll il-Maltin ta’ età aktar avvanzata, fosthom Joseph Delmar, li ta’ 69 sena huwa l-ixjeħ parteċipant li qatt kien hemm fl-edizzjonijiet kollha ta’ Brillanti!
Emozzjonijiet galore u sorpriżi li ma jitwemmnux! Illejla, BRILLANTI SINGERS fis-20:45 fuq ONE – TITILFUX, għax fi kliem Joseph Chetcuti stess, "Ħafna jafu jkantaw, ftit huma l-bravi, imma wieħed jew waħda biss... BRILLANTI!"