L-emozzjoni tkompli dejjem tiela' hekk kif BRILLANTI jgħaddi għall-ħames u l-aħħar jum tal-awdizzjonijiet oriġinali. Żgħażagħ minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex waslu ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi joħolmu li forsi t-talent tagħhom ser iwassalhom jirbħu €10,000 CASH u ċans uniku li jdoqqu ma’ orkestra barra minn xtutna kollox imħallas bħala solisti grazzi dejjem għall-European Foundation for Support of Culture.

Minkejja li għaddew ħames ġimgħat biss tista’ tgħid li l-programme qiegħed fuq fomm kulħadd min qabel u min ma qabilx mad-deċiżjonijiet professonali tal-ġurija ta’ BRILLANTI, li huma s-surmast ta’ fama internazzjonali Wayne Marshall, is-soprano Nicola Said u l-kritiku tal-muzika Albert Storace.

Fi kliem Joseph Chetcuti, il-preżentatur u l-producer ta’ din is-serje tant popolari, "It-talent li qegħdin naraw u nisimgħu flimkien huwa tassew inkredibbli… u tassew għandna għalxiex inkunu kburin biż-żgħażagħ tagħna li huma tassew bravi u ddedikati… uħud minnhom iħalluk bla kliem". Dan huwa tassew minnu għaliex ma tistax ma tammirax il-kunfidenza u l-karizma ta’ ħafna minnhom li jaffaċċaw ġurija iebsa bħal dik b’kuraġġ u determinazzjoni kbira!.

Kif ser imur Francesco – pjanist vera żagħżugħ u bravu? Ser jimpressjona lill-ġurija tagħna? U d-duo drums u pjanu – iben u missier - kif ser imorru, ser jgħaddu għall-fażi li jmiss? U Kristy – kantanta żagħżugħa bravissima ser tegħleb l-eċitament li kellha hi hu tkanta O Mio Babbino Caro? M’hemmx għalfejn ngħidu li l-ferħ huwa kbir ta’ dawk li jgħaddu iżda żgur li ma tistax ma tħossx għal dawk li minkejja l-isforzi kollha, jeħlu u ma jgħaddux għall-fażi li jmiss – id-diżappunt tagħhom imisslek qalbek u din stess tingħafas hekk kif tarahom jippakkjaw u jmorru lura lejn darhom.

Joseph itemm jgħidilna, "U jekk taħsbu li s-sorpriżi ser jintemmu hawn, sejrin verament żbaljati… emozzjonijiet, sorpriżi, bravuri u fuq kollox karattru uman huma tassew erba’ kelmiet li jissimbolizzaw BRILLANTI! – erba’ kelmiet li ser inkomplu ngħixu programm wara programm f’ din is-sensiela għat-tfittxija tal-veru BRILLANTI! Illejla BRILLANTI żgur mhux ta’ min jitilfu!’


Gwida.mt