Il-bootcamps tat-TOI TOI ta’ Teatru Manoel jirritornaw b’moviment għall-atturi, Shakespeare, u Musical Theatre

Wara s-suċċess tal-bootcamp tal-musical theatre s-sena l-oħra, il-programm ta’ Tagħlim u Edukazzjoni tat-Teatru Manoel TOI TOI, qed iwessa’ il-programm ta’ taħriġ professjonali bi tlett workshops ta’ ħamest ijiem, fit-teatru fiżiku, Shakespeare u musical theatre, f’Settembru.

Imwieled Ċipru, Mixalis Aristidou jiftaħ il-bootcamps b’Movement for Actors (Moviment għall-Atturi) bejn il-11 u 15 ta’ Settembru. Bid-direzzjoni tal-għalliem tal-moviment f’RADA u l-Kap tad-dipartiment tal-Moviment fil-programm BA Acting fl-Università ta’ Northampton, l-atturi li jipparteċipaw f’dawn il-workshops se jkunu qed jespandu l-abbiltajiet tagħhom biex isiru l-karattru, filwaqt li jiffokaw ukoll fuq ir-rillaxx, il-libertà u ftuħ tal-ġisem biex jilħqu stat li jkunu lesti.

Fir-ritratt: Mixalis Aristidou, Lizzie Hopley, Caroline Clegg u Kate Fenech 

Lizzie Hopley se tmexxi Shakespeare Deep Dive bejn it-18 u t-22 ta’ Settembru, fejn atturi u kittieba jqattgħu l-għodwiet jaħdmu fuq u jirreċtaw l-aqwa xogħlijiet ta’ Shakespeare billi jużaw għodda mir-rehearsal room tar-Royal Shakespeare Company, u jagħmluha ta’ investigaturi tat-test billi jsegwu l-ħjiel li Shakespeare ħalla fit-test biex jidderieġi l-atturi. Jesploraw ukoll il-ħiliet tal-kitba b’eżerċizzji prattiċi ispirati minn xogħlu.

L-ammiraturi tal-Musical Theatre huma mħeġġa jingħaqdu mad-direttur tal-palk u koreografu Caroline Clegg u l-kowċ tal-vuċi Kate Fenech Field għall-Musical Theatre Bootcamp. Bejn l-24 u t-28 ta’ Settembru, l-artisti se jkunu qed jitgħallmu repertorju minn uħud mill-musicals l-aktar maħbuba bħal Cabaret, West Side Story, Anything Goes, Singing in the Rain, Rocky Horror u oħrajn. Il-parteċipanti mhux biss se jitgħallmu kif jippreparaw u jagħtu prestazzjoni mill-aqwa bħala solista u ma’ ensemble, iżda jingħataw pariri dwar kif jippreparaw għal awdizzjonijiet.

Fir-ritratt: Bootcamp tal-Musical Theatre mmexxi mid-direttriċi Caroline Clegg fl-2022

“L-iżvilupp Artistiku huwa essenzjalment aktar taħriġ u jħeġġeġ lill-komunità artistika tagħna biex jirfinaw il-ħiliet li diġà għandhom u jitgħallmu tekniki u approċċi ġodda, li jistimulaw fehim aktar profond tal-abbilitajiet ta’ dak li jkun,” tgħid il-Maniġer tal-programm TOI TOI Kate Fenech Field. “TOI TOI jimpennja ruħu kontinwament biex joffri opportunitajiet lill-artisti biex jidhru, jikbru u jaqsmu esperjenzi flimkien. Aħna kburin li qed nospitaw għalliema minn instituzzjonijiet tal-arti tal-ogħla livell u ħerqana biex naraw l-impatt li dan il-kors intensiv iħalli fuq kull parteċipant.”

Il-Bootcamp tal-Musical Theatre iwassalna għall-ftuħ tal-istaġun performattiv ta’ TOI TOI b’The Sound of Musicals fid-29 u 30 ta’ Settembru. Kast ċelebbri b’artisti bħal Rachel Fabri, Roger Tirazona, Talitha Dimech, Noel Zarb, Neville Refalo, Julie James, Michael Mangion u James Busuttil Griffin, se joħodkom fuq vjaġġ tul l-evoluzzjoni tal-musical theatre! Mill-oriġini sa l-aktar siltiet memorabbli tal-kbarat fl-industrija bħal Sondheim u Bernstein, sax-xows li l-aktar għamlu suċċess fid-dinja teatrali bħal The Lion King, Hamilton, u Dear Evan Hanson. The Sound of Musicals huwa b’kitba u direzzjoni tal-producer teatrali, rebbieħa ta’ diversi unuri Caroline Clegg, b’orkestra live, b’direzzjoni mużikali ta’ Tom Newall, u arranġamenti ġodda ta’ Veronique Vella.

Fir-ritratt: TOI TOI Artist Development Bootcamps

“Ridna nniedu dan l-istaġun b’tislima lill-Musical Theatre – ġeneru maħbub tassew hawn Malta, filwaqt li nagħtu dik ix-xi ħaġa żejda li tagħmilna TOI TOI, għall-gost u l-pjaċir tal-familja kollha,” iżżid Kate Fenech Field. “Il-kast intgħażel biex jirrappreżenta vuċijiet differenti li jistgħu jkantaw repertorju wiesgħa, u b’taħlita ta’ artisti li għadhom deħlin fix-xena u oħrajn ta’ esperjenza kbira. Aħna kburin li qed niftħu l-bibien għal repertorju minn ‘musicals ġodda’ wkoll f’din il-produzzjoni, u din hija xi ħaġa li nixtiequ nesploraw aktar. Bħall-produzzjonijiet l-oħra ta’ TOI TOI, waqt The Sound of Musicals irridu lill-udjenza tipparteċipa u tieħu gost li tkun parti minn dan il-lejl tant speċjali għalina.”

Il-bootcamps huma l-aktar adattati għal artisti li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena u huma mħarrġa fl-arti performattiva kif ukoll għandhom xi esperjenza fuq il-palk, madankollu kulħadd hu mistieden. Żur www.teatrumanoel.mt jew ibgħat email fuq [email protected] għall-aktar informazzjoni.

Il-wirjiet ta’ The Sound of Musicals se jittellgħu fit-Teatru Manoel fit-7.00pm nhar il-Ġimgħa 29 u s-Sibt 30 ta’ Settembru 2023. Din il-produzzjoni hi addattata għal udjenzi li għandhom ħames snin jew aktar. Il-biljetti u aktar informazzjoni jinkisbu mis-sit www.teatrumanoel.mt jew b’email lil [email protected] jew inkella billi ċċempel fuq (+356) 2124 6389. Huwa rrakkomandat li l-biljett jinxtraw minn kmieni.


Gwida.mt