“Ġie għandna ftit tal-ġimgħat ilu iżda ma konniex nafu l-istorja tiegħu, sakemm għaqqadna l-biċċiet permezz ta’ paġna oħra ta’ Facebook.” L-Assoċjazzjoni għal Annimali Abbandunati stqarret dan fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook. L-Assoċjazzjoni spjegat kif għalkemm is-soltu jittellgħu mill-ewwel ritratti tal-klieb li jaslu għandhom, ir-ritratt ta’ Snowy baqa’ ma ttellax minħabba li meta waslet għandhom kienet xi ftit aġitata u żgur li ma kinux se jagħtuha għall-addozzjoni.

Snowy għex fit-torqo ta’ Tas-Sliema ma’ persuna li ma kelliex saqaf fuq rasha u ma kienx jiċċaqlaq minn ħdejn din il-persuna. “Sfortunatament ir-raġel miet u Snowy tilef lil ‘missieru’.” Animal welfare salvaw lil Snowy u ħaduh fis-santwarju tal-AAA. Ftit tal-jiem ilu, skont kif spjegat l-Assoċjazzjoni, xi nies bdew isaqsu għall-kelb fuq paġna oħra ta’ Facebook u b’hekk l-istess Assoċjazzjoni saret taf bl-istorja kollha tal-kelb Snowy li koinċidentalment ismu fil-verità kien ukoll Snowy.

“M’hemmx aktar il-ħajja tat-triq għalik.” L-Assoċjazzjoni ħabbret li Snowy qed jikber fil-karattru u fi ftit ġimgħat, meta jaċċertaw ruħhom li kollox hu sew, jaf jingħaqad ma’ familja.

Ara kif tista’ tagħti daqqa t’id lill-Assoċjazzjoni għal Annimali Abbandunati hawn taħt.

Facebook / Association for Abandoned Animals


Sarah  Cassar Dymond