Luca Magro hu l-wiċċ li seraq ħafna ammiraturi warajh meta beda jidher fis-sensiela lokali La Tħobbnix u Ħobbni Ftit iżda minn dakinhar 'l hawn Luca baqa' għaddej u jitgħallem! L-attur għandu 12-il sena, innutah Pierre Portelli meta kellu biss ħames snin. Kien deher fuq Xarabank flimkien mal-president George Abela.

Pierre Portelli kiteb il-parti ta' Luca apposta għalih, infatti anke żamm l-istess isem għal karattru li kitiblu f'La Tħobbnix u Ħobbni Ftit. Minn dak iż-żmien, deher f'partijiet żgħar u kompla jitħarreġ fid-drama. Issa din il-ġimgħa Luca għamel id-debutt tiegħu bħala preżentatur grazzi għall-opportunità li offrielu Alfred Zammit!

Wara li Alfred ħajjar lil Luca jibda xi ħaġa għat-tfal, Luca ħareġ bl-idea li jibda sensiela ta' intervisti ta' nies b'karrieri u vokazzjonijiet differenti! L-ewwel waħda, li tistgħu ssibu hawn taħt kienet ma' inġinier imma għandu numru ta' intervisti nteressanti pjanati inklu ma' perit, kaptan, pilota, kok, għalliem u oħrajn. 

Diġà saru ammont minn dawn l-intervisti imma l-proċess għadu għaddej! Kurt Vassallo qed jieħu ħsieb l-iffilmjar u l-editing tal-parti ta' Luca waqt il-programm ta' Alfred Zammit bl-isem ta' La Nikber. Din ir-rokna tidher kull nhar ta' Tlieta fit-15:10.

Aħna rnexxielna nakkwistaw ftit ritratti esklussivi ta' dak li għandu mħejji Luca għalina... mhux ħa ngħidulkom wisq, ħa nħallu lilkom taraw ir-ritratti u taslu għall-konklużjoni intom lil min iddeċieda li jintervista. Jidher li jaf jagħżel għax ir-ritratti jidhru nteressanti ferm!

Dan wieħed mill-ewwel intervista li stajtu taraw hawn fuq...

Qed tagħrfu ma' min qed Luca f'dan ir-ritratt...

Hawn x'qed jagħmel eżatt!?

Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Luca fuq dan il-vjaġġ li qabad! Sabiħ li nies bħal Alfred Zammit jagħtu opportunità lil tfal u żgħażagħ li jippromettu! Hekk tinbena n-namra lejn din id-dinja! 


Emil Calleja Bayliss