Bosta huma l-Maltin li b’xi mod jew ieħor inzertaw jew semgħu bid-dar ta’ Sans Souci, villa abbandunata fl-inħawi ta’ Marsaxlokk. Illum il-ġurnata, dan il-post jibqa’ l-aktar magħruf għal stejjer fanstastiċi ta’ iħirsa u fatati, kif ukoll attivitajiet paranormali li, allegatament, iseħħu bla heda fil-villa misħuta. Però kemm huma dawk li verament jafu x’kienet isservi din id-dar qabel ma ġiet abbandunata?
Flickr / HughieDW
Barra l-ġrajjiet maġiċi u fantastiċi, l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħok hekk kif tara x-xbieha ta’ din id-dar aktarx tkun l-idea li xi darba kienet isservi ta’ burdell. Għalkemm din verament jaf kienet minnha għal xi żmien, l-istorja tagħha hija ferm aktar diversa minn hekk biss.
Infatti, id-dar kienet ir-reżidenza tal-Professur Salvatore Luigi Pisani li aktarx inbniet madwar iż-żmien tal-1870. Pisani għex komdu komdu hemmhekk sakemm ħalliena fil-paċi fl-1908, u minn dakinhar ‘il quddiem, id-dar bdiet tintuża mill-werrieta tiegħu. Għaldaqstant, fit-30ijiet, id-dar bidlet il-funzjoni u bdiet tintuża bħala lukanda ċkejkna, sakemm ma nbigħet mill-familja fl-1940.
Flickr / HughieDW
Kien għalhekk, matul dawn l-aħħar snin tagħha bħala lukanda, li aktarx kisbet ir-reputazzjoni ta’ burdell: ftit huwa magħruf dwar x'ġaralha mit-tieni nofs tas-seklu 20 'il quddiem, iżda li nafu fiċ-ċert huwa li ma damitx ma waqgħet fin-negliġenza. Biss biss jidher li fl-2010 kien hemm pjanijiet li din id-dar tiġi rrestawrata, iżda dan qatt ma ġie fis-seħħ. Illum il-ġurnata, il-leġġenda li ħalliet warajha din ir-reżidenza hija waħda ta’ misteri, fantażmi, u abbandun.
Vida.mt
Allura kont qed tistennieha din l-istorja ta’ Villa Sans Souci?
Ħajr lil Ghost Squad Malta u lil Lara Calleja għar-riżorsi u l-informazzjoni.
Facebook / Ghost Squad Malta