Il-kantanta lokali Amber Bondin qasmet magħna l-passjoni li għandha għall-volontarjat. F’dawn l-aħħar snin Amber tmur barra minn Malta sabiex tgħin lil min hu fil-bżonn. Illum tant il-volontarjat intrabat ma’ qalbha, li baqgħet titla’ tgħin kull sena!

View this post on Instagram

A post shared by Amber! (@imamberofficial) on

Kif tkun il-ġurnata tipika tiegħek meta tkun qed tagħmel xogħol volontarju f’xi pajjiż ieħor?

Il-ġurnata hemmhekk hija waħda kompletament differenti minn kif tkun hawn. Filgħodu nqumu u niddiskutu x’se jkun se jsir matul il-ġurnata u kulħadd jingħata rwoli differenti; min se jsajjar, min se jibni jew jgħin fil-kostruzzjoni, min se jipprepara xi basktijiet bl-affarijiet biex jingħataw lill-familji u min se jara jekk hemmx bżonn ngħinu lin-nies tal-madwar.

Normalment dawn l-irwoli jinbidlu sabiex kulħadd jipprova jagħmel kollox. Ikolli nistqarr illi l-biċċa tal-kostruzzjoni mhi faċli xejn. Fil-kostruzzjoni kien ikollna kuntrattur minn hemmhekk u l-ħaddiema tiegħu. Imbagħad aħna nagħmlu diversi xogħol, bħal pereżempju, niżbgħu, inwaħħlu it-twieqi, noborxu u niżbgħu is-sodod, inwaħħlu l-bibien u ħafna xogħol illi żgur qatt ma mmaġinajt li se nagħmel.

Waranofsinhar nieqfu ftit għall-ikel. Imbagħad kulħadd imur jistrieħ ftit u filgħaxija konna nqattgħuh fil-villaġġi tal-viċin, fejn konna mmorru niltaqgħu man-nies, saħansitra anki nisimgħu quddies magħhom, nagħmlu festin żgħir għat-tfal, u nagħtu basket b'diversi affarijiet lil kull familja. Dawn il-basktijiet normalment ikun fihom ikel, ilma u xi biċċiet tal-ħwejjeġ.

Tista’ tiddeskrivi xi sitwazzjonijiet li rajtu fil-postijiet differenti li għamiltu l-volontarjat fihom?

Hemm diversi esperjenzi li jibqgħu f'moħħi. Waħda mis-sitwazzjonijiet kienet meta konna qegħdin induru villaġġ partikolari ġewwa t-Tanzanija u sibna mara ġo razzett remot kważi se jaqa'. Din kienet mal-art, imwarrba minn kulħadd u b'tumur kbir ħiereġ minn rasha. Din il-mara bażikament kienet qed tistenna l-mument li tmut waħidha. Ma nista' qatt inneħħiha minn moħħi.

Esperjenza oħra kienet meta morna fil-villaġġ tan-nies li jbatu bil-lebra u rajna dawn in-nies b'diversi partijiet minn ġisimhom imwaqqa’, fosthom is-swaba’ ta’ saqajhom u idejhom u l-pala ta’ idejhom u saqajhom. Iżda l-iktar ħaġa ta' qsim il-qalb kienet meta rajt lin-nies jilbsu il-karkur f’idejqhom għaliex saqajn m’għandhomx, allura jitkaxkru mal-art u jgħinu lilhom nfushom fuq idejhom. Il-ħsieb tiegħi dak il-ħin kien li dawn in-nies lanqas dinijità li jgħixu ħajja normali ma jistgħu bin-neċessitajiet bażiċi.

Sitwazzjoni oħra kienet meta konna qegħdin Janshi ġewwa l-Indja. Hawnhekk konna qegħdin noqogħdu f'dar tat-tfal. Mal-lejl il-kunvent irċieva telefonata li hemm tarbija ta’ tlitt xhur fl-istazzjon tal-ferrovija waħidha u ma jafux ta’ min hi. U talbu lil dan il-kuvent biex iżomm din it-tarbija fid-dar tat-tfal. Għadni niftakar il-mument li rajt din it-tarbija. Ma stajtx nifhem kif xi ħadd jista’ jħalli tarbija ġo stazzjon tal-ferrovija waħidha.

Imma ma stajtx nagħti tort lill-omm din it-tarbija. Ma stajt qatt niġġudika għalfejn għamlet hekk, għaliex il-ħajja kiefra wisq hemmhekk għan-nisa. Din it-tarbija kienet fortunata ħafna li spiċċat go din id-dar. Dan għax ħafna minn dawn it-trabi jispiċċaw imutu fl-istazzjon tal-ferrovija għax ħadd ma jsibhom jew jiġborhom.

Kif jistgħu jgħinu l-Maltin u l-Għawdxin lil dawn in-nies fil-bżonn? 

Hawn diversi għaqdiet madwar Malta u Għawdex li jagħmlu diversi xogħol volontarjat f'ħafna pajjiżi u mhux fl-Afrika biss. Inħeġġeġ lil kull Malti u Għawdxi jgħin lil dawn l-għaqdiet u mhux tagħna biss, għaliex dawn kollha jagħmlu ġid kbir. Aħna dejjem nistqarru li l-poplu Malti u Għawdxi hu parti mill-proġetti tagħna għax bis-saħħa tad-donazzjonijiet li jingħataw inkunu nistgħu nagħmlu l-proġetti, u għalina dan ifisser ħafna.

Inħeġġeġ ukoll lil ħafna żgħażagħ biex imqar darba f'ħajjtihom jesperjenzaw il-volontarjat. M’hemmx għalfejn barra minn Malta, imma anki hawn Malta stess. Bil-volontarjat ma titħallasx bil-flus imma titħallas lura b'ħafna sodisfazzjon u paċi.

Għal aktar informazzjoni dwar l-għaqda, tistgħu iżżuru l-paġni ta’ Facebook u Instagram tagħhom, Mzungu Mission.


Yasmin Camilleri