L-avventura tal-lum ma' Pierre Farrugia  teħodna lejn il-Blata tal-Melħ,  minħabba l-ammont ta' salini li ssib hawn. Din iż-żona tinsab fuq il-kosta tal-Baħrija wara l-inħawi magħrufa bħala L-Imtaħleb.

Il-medda tal-kosta tinsab eżatt fin-nofsinhar ta' Ras ir-Raheb, ftit 'il barra mill-Bajja ta' Fomm ir-Riħ. L-uniku aċċess huwa bil-mixi permezz ta' trek ta' 45 minuta 'l isfel. It-trek isir partikolarment diffiċli eqreb lejn il-qiegħ.

Hemm storja warajha din iż-żona. Xi wħud jgħidu li wieħed negozjant Taljan kien jipproduċi l-melħ hawn. Għalhekk ukoll fil-fatt ħadet l-isem ta' Il-Blata Tal-Melħ. It-taraġ kien jippermetti lill-ħaddiema jġorru l-melħ għal dgħajsa fejn kienu jistennew,  li teħodhom sal-Ġnejna. Mid-dehra, it-taraġ kien jintuża wkoll bħala aċċess faċli għan-nies li jaħdmu fuq is-salini, peress li l-użu ta’ dgħajsa kien aktar faċli milli bil-mixi, anke jekk ma kienx hemm xkejjer tal-melħ x’iġorru.

Meta wieħed jiġi hawn għandha tingħata attenzjoni kbira meta l-baħar ikun imqalleb. Pierre jurina anke x-xifer ta' din iż-żona tul il-mixja u jfakkar biex jekk ħa jkun hemm it-tfal, toqogħdu attenti ħafna li ma jmorrux 'il barra, u dejjem żommuhom taħt għajnejkom kull sekonda.

Wieħed jista’ jara wkoll tifkira ta’ Carmelo Micallef li tilef ħajtu hawn, darba waħda f'baħar imqalleb waqt li kien jistad. Il-veduti ta' nżul ix-xemx minn hawn huma inkredibbli. Araw aktar hawn taħt:

Pierre Farrugia


Kyle Zarb