Carmelo Abela sar magħruf flimkien mal-kelba tiegħu Titti bħala d-duo li jaqbżu t-tnejn għal ġol-baħar mill-irdum, fejn mhux biss ħallew lil bosta Maltin b’ħalqhom miftuħ iżda wkoll bi tbissima enormi tant kemm in-nies iggustawhom. Għalkemm Titti ħallietna aktar kmieni din is-sena, Carmelo sar il-missier addottiv ta’ kelba oħra kuċċla u ħlejja bl-isem ta’ Tina, u jidher biċ-ċar li Tina qed jirnexxilha tkompli l-legat tal-għaġeb li ħalliet oħtha.   

Carmelo u Tina jistgħu jinstabu ġewwa Marsaxlokk iżda b’mod partikolari fil-viċinanzi ta’ Saint Peter’s Pool, l-aktar post fejn Carmelo sar magħruf li jieħu l-kelba tiegħu tgħum. Però dan l-aħħar, għandna xi ngħidu li anki fil-bajja ta’ San Tumas nistgħu nilmħu lil Tina taqdef u ċċafċaf u tiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd!

Tina ilha għand Carmelo minn April li għadda, u għandha paġna fuq Facebook għaliha bl-isem ta’ Tina Adventures Malta, fejn taġġorna lis-segwaċi tagħha dwar il-postijiet kollha fejn tkun qiegħda taqbeż u togħdos ma’ missierha – issa ilha għaddejja mill-aħħar ta’ Ġunju.

Żgur mhux like waħda biss konna nitfgħulha kieku stajna!

Facebook / Tina Adventures Malta


Kurt Gabriel Meli