Din il-ġimgħa waqt il-programm Distintivi, li jixxandar kull nhar ta' Tlieta fuq ONE fl-22:00, iddiskutew ix-xena ta' divertiment ġewwa pajjiżna. Huma partikolarment ħarsu lejn ix-xena tal-clubbing ġewwa Malta.

Wieħed miż-żgħażagħ li kien mistieden Hayden Pesci qal li llum il-ġurnata, wieħed jista' jgħid li kien hemm biss żewġ postijiet prinċipali ta' divertiment. Hu jistqarr li dan l-aħħar Paceville inbidel kompletament.

Dan għaliex qabel kien hemm numru ta' postijiet li wieħed seta' jmur fihom. Hayden jistqarr li hemm bżonn post ta' nightlife ġdid għaż-żgħażagħ lokali. Tajjeb li ngħidu li diversi turisti jinżlu f'pajjiżna proprju għax-xena lokali tad-divertiment u avvenimenti li jsiru f'pajjiżna.

Waqt il-programm iqum il-punt li għandu jkun hemm diversi postijiet li jifħtu u jdoqqu ġeneru ta' mużika partikolari. Dan jgħin sabiex in-nies jinfirxu u jsibu affarijiet li jogħġbuhom. Problema oħra li kien hemm ġo Paceville kienet li qed jitilgħu ħafna żgħażagħ taħt is-17-il sena.

Waqt id-diskussjoni jqum il-punt li ċerti avvenimenti li kienu jsiru għal dawk taħt is-17-il sena, mhux qed isiru. Dawn kien waqfu qabel il-Covid u b'hekk iż-żgħażagħ spiċċaw jirrikorru lejn Paceville.

Hawn taħt wieħed jista' jsegwi d-diskussjoni li qamet waqt il-programm. Il-mistoqsija tqum weħidha - taħsbu li hawn bżonn ta' aktar postijiet ta' divertiment? Għidulna x'taħsbu?


Emil Calleja Bayliss