Fil-programm, ‘L-Erbgħa Fost Il-Ġimgħa’ tal-lejla, l-preżentatur Mark Laurence intervista lil Matthew. Matthew ma jħossx li hu raġel u lanqas mara. Jipreferi li jkun inidirizzat fil-maskil. Matthew irrakonta episodji fil-ħajja tiegħu li jkexkxuk. Tibda tgħid possibli dawn l-affarijiet għadhom jiġru Malta, fil-pajjiż li nitfaħru kemm aħna ugwali u gay-friendly?

Skip Ad in 5 seconds Skip Ad

Matthew jispjega li meta kien żgħir kien jilgħab b’kollox, għalih ma kinitx tagħmel differenza jekk hux bil-karozzi jew pupi. Għalih kien jgħix ħajja normali ġo familja kristjana. Iżda meta kien fil-year 4, Matthew beda jinduna li twieled tifla u ma setax jibqa’ jilgħab bl-affarijiet tas-“subien”.

“Fil-Year 4 bdejna l-lezzjonijiet tal-PCED. Talbuna mmorru f’linja differenti skont is-sess. Iżda jien ma rridx immur la mas-subien u lanqas mal-bniet” - Matthew

Kienet iebsa għalih li ried jitgħallem bilfors fuq l-iżvilupp ta’ ġismu. Waqt il-lezzjonijiet ma ried jisma’ b’xejn, ma kienx itellef iżda għamel minn kollox biex ma jitgħallimx fuq dawn l-affarijiet. Meta kien fil-Year 6, Matthew kien qed jilgħab mas-subien, kien hemm subien li waqfuh għax qalulu li l-bniet ma jistgħux joqgħodu f’dak il-post. Tifel daqsu qal, “Dak jista’ għax dak tifel f’ġisem ta’ tifla” u din kienet ixxokjatu.

Matthew jispjega kif s-sekondarja kienu l-agħar ħames snin ta’ ħajtu, “Trid tilbes id-dublett, m’għandekx għażla trid tkun mal-bniet”. Hawn Matthew kien ingħalaq għalih waħdu u ġieli weġġa’ lilu nnifsu. Fil-programm jgħid li ġieli kien ifittex kif ser jweġġa’ lilu nnifsu. Il-bullying hawn ma naqasx, l-bniet tal-iskola kienu jneħħulu l-qalziet biex jaraw hux liebes panty jew boxers. “Kienu jkaxkruni quddiem kulħadd” jgħid Matthew.

Fl-intervista Matthew jgħid ukoll li kien jgħallem fil-Mużew, kien imur il-quddies kuljum u jkanta fil-kor tal-knisja. “Bdejt inħoss li qed nigdeb lili nnifsi, jien ngħallem mod u nħoss differenti” jgħid Matthew. Fortunatament, is-superjura tal-Mużew ta’ dak iż-żmien kienet tħobbu b’imħabba kbira u tissaportjah fid-deċiżjonijiet tiegħu.

“Ma kienx hemm ġurnata li ma kontx nitlob lil Alla biex jew iġibni straight jew jeħodni” qal Matthew fiż-żmien fejn ma kienx ċert minnu nnifsu. Illum il-ġurnata Matthew jidentifika ruħu bħala non-binary jiġifieri la hu mara u lanqas raġel. Jgħid li jinteressawh kemm it-tfajliet u anke l-ġuvintur.


Anthony Baldacchino