Tony Camilleri, li għandu l-laqam Il-Bitlu, tkellem mat-tim ta' Popolin dwar ħajtu, dwar il-professjoni tiegħu bħala skarpan, kif ukoll ta diversi pariri mill-isbaħ li jagħmlu ħafna sens fil-ħajja tal-lum. Hu ilu skarpan 47 sena fil-ħanut tiegħu.
Isemmi dwar id-differenza bejn ix-xogħol ta' skarpan fil-passat u dak tal-lum il-ġurnata.
"Qabel hawn qas kont tarah il-madum mal-art bix-xogħol li kien ikolli, naqbeż hekk, "hemm, warajk!"... imma llum le, naqas ħafna x-xogħol. Mhux għax ma jsewwux ta', għax isewwu, imma mhux ħa trabbi l-familja kif rabbejtha qabel jien..."
"Illum ngħix hawn, daħħalt xi ħaġa ġol-kartiera, u ħallih idoqq," ikompli Tony. Ikompli jirrakkont meta kien hemm attur popolari tal-films f'Malta, u ġie jitlob is-servizz tiegħu biex isewwilu cowboy boots.
"Darba ġie attur tal-films. Ġie għax kien qed jaħdem biċċa ġirja fuq il-blat, u beda jibża', kellu cowboy boots, u għamiltlu par supratakki. Ġie jerġa' jfittxni d-dar, kont għadni noqgħod ix-Xgħajra biex nagħmillu ieħor imsomma, u flok tani €5, tani €20, u msomma l-ħajja tkompli!"
Tony jgħid li hu kalm ħafna, ma jobgħodx, u ma jemminx fil-mibgħeda. Jagħti anke parir dwar kemm m'għandniex nagħtu importanza lill-flus, għax "mintix se toħodhom miegħek."
Segwi aktar hawn taħt: