Il-preżentatriċi u attriċi maħbuba minn ħafna, Antonella Galea Loffreda ser tkun qed timbarka fuq avventura ġdida. Ma’ Gwida.mt tistqarr li din xi ħaġa li qatt ma xtaqitha iżda d-destin kellu jkun sabiex iħajjarha tibda esperjenza ġdida.

Skip Ad in 5 seconds Skip Ad

Mill-5 t’Ottubru, Antonella ser tkun qed tipreżenta l-breakfast show ta’ Campus FM. Programm kuljum li jibda fit-8:30 ta’ filgħodu. Għal Antonella din ser tkun l-ewwel esperjenza tagħha fuq ir-radju. F’intervista tgħidilna, “Ġieli staqsewni imma qatt ma kien iħajjarni. Qatt ma għaddietli minn moħħi din iżda ftit ilu kont f’intervista ma’ Indri ta’ Net FM u ħeġġiġni li nibda r-radju. Ftit ġimgħat wara mingħajr ma applikajt waslitli l-ewwel proposta iżda kien żmien il-bidu tal-pandemija u rrifjutajt. M’għaddewx wisq ġiimgħat li ma kelliex it-tieni proposta u għedt issa ma nistax nirrifjuta”.

 “Għall-ewwel ixxukjajt ruħi, pruvajt ma nuriex imma ma nafx naħbi. Lura d-dar bdiet toġgħobni l-idea u issa għandi eċitament kbir u ħerqana biex nibda!” – Antonella.

Iżda Antonella problema biex tqum filgħodu? “Mhu problema xejn. Meta kont naħdem il-bank, avolja kont nibda fit-8 ta’ filigħodu, mas-7 kont inkun hemm nistenna waqt li nieħu kafé. Biss minn żmien il-pandemija qed nitnikker ftit iżjed imma m’għandux tkun problema!” tgħidilna bi tbissima.

L-intenzjoni ta’ dan il-breakfast show hu li Campus FM jattira udjenza ġdida filwaqt li jkun hemm togħma ħelwa ta’ ħafna affarijiet. Għandna nistennew; Analiżi tal-ġurnali, pariri tal-avukati u nutar, mistednin fuq arti u kultura kif ukoll tagħrif fuq xi jkun ġara fil-ġurnata fil-passat...

Għalhekk inħeġġuk tibda l-ġurnata ma’ Antonella għax żgur ser tisma’ xi ħaġa ta’ interess! Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, fit-8:30 ta’ filgħodu fuq Campus FM 103.7FM. Kull nhar ta' Sibt fuq ONE ser narawha tippreżenta l-programm 'il-Kelma' fil-5:30pm għat-tieni sena. 


Anthony Baldacchino